Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 20 Lulju 2023
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 3 min qari

L-Ewrobarometru: Il-maġġoranza tal-Ewropej jidhrilhom li t-tranżizzjoni ekoloġika għandha tħaffef il-pass

Eurobarometer

Il-maġġoranza kbira tal-Ewropej (93%) jidhrilhom li t-tibdil fil-klima hu problema serja li qed tiffaċċja d-dinja, skont stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru ppubblikat illum. Aktar minn nofs (58%) jidhrilhom li t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija l-ħadra jeħtieġ titħaffef minħabba ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u t-tħassib dwar il-provvisti tal-gass wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Mil-lat ekonomiku, 73% tal-Ewropej jaqblu li l-prezz tad-danni kkawżati mit-tibdil fil-klima hu ferm ogħla mill-investiment meħtieġ għal tranżizzjoni ekoloġika. U tliet kwarti (75%) tal-Ewropej jaqblu li azzjoni favur il-klima twassal għall-innovazzjoni.

Appoġġ għal tnaqqis fl-emissjonijiet, għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika

Kważi disgħa minn kull għaxar Ewropej (88%) jaqblu li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom jitnaqqsu għall-minimu, filwaqt li l-bqija tal-emissjonijiet għandhom jitpaċew biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050. Kważi disgħa minn kull għaxar Ewropej (87%) jidhrilhom li hu importanti li l-UE tistabbilixxi miri ambizzjużi biex jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, u għadd sostanzjali bħalhom (85%) jemmnu li hu importanti li l-UE tieħu azzjoni biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, pereżempju billi tħeġġeġ lin-nies jinsulaw djarhom, jinstallaw il-panelli solari jew jixtru karozzi elettriċi. Sebgħa minn kull għaxar Ewropej (70%) jemmnu li tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili jista' jżid is-sigurtà tal-enerġija u jkun ta' ġid għall-UE mil-lat ekonomiku.

Iċ-ċittadini huma kommessi għal azzjoni individwali u riforma strutturali

Il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE diġà qed jieħdu azzjoni klimatika individwali (93%), u diġà konxjament qed jagħmlu għażliet sostenibbli fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Madankollu, meta ġew mistoqsija min hu responsabbli biex jindirizza t-tibdil fil-klima, iċ-ċittadini saħqu fuq il-ħtieġa ta' riformi oħra li jingħaqdu mal-azzjoni individwali, u semmew ukoll ir-responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali (56%), tal-UE (56%) u tan-negozji u l-industrija (53%).

Iċ-ċittadini Ewropej jistqarru wkoll li qed iħossu t-theddida tat-tibdil fil-klima fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Bħala medja, aktar minn terz tal-Ewropej qed iħossuhom esposti personalment għal riskji u theddid ambjentali u relatati mal-klima, u aktar minn nofs dawn il-persuni li qed iħossuhom hekk jinsabu f'7 Stati Membri partikolari, l-aktar fin-Nofsinhar tal-Ewropa iżda anki fil-Polonja u fl-Ungerija. 84% tal-Ewropej jaqblu li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-kwistjonijiet ambjentali għandu jkun prijorità biex tittejjeb is-saħħa pubblika, filwaqt li 63% ta' dawk mistħarrġa jaqblu li t-tħejjija għall-impatti tat-tibdil fil-klima tista' tħalli effetti pożittivi fuq iċ-ċittadini tal-UE.

Kuntest

L-Ewrobarometru Speċjali 538 dwar it-Tibdil fil-Klima stħarreġ 26,358 ċittadin tal-UE minn gruppi soċjali u demografiċi differenti mis-27 Stat Membru tal-UE. L-istħarriġ sar bejn l-10 ta' Mejju u l-15 ta' Ġunju 2023. L-intervisti kollha saru wiċċ imb wiċċ, fiżikament fid-djar tan-nies jew b'vidjokonferenza.

Ir-riżultati tal-aħħar“Rebbiegħa 2023 – Ewrobarometru Standard”ippubblikat dan l-aħħar fl-10 ta' Lulju jaqblu għalkollox mar-riżultati ta' dan l-istħarriġ iddedikat dwar it-Tibdil fil-Klima. L-Ewrobarometru standard wera li ċ-ċittadini tal-UE għadhom jaqblu bil-qawwa mat-tranżizzjoni tal-enerġija, iqisu l-ambjent u t-tibdil fil-klima bħala waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti li qed tiffaċċja l-UE, u jistennew investiment massiv fl-enerġija rinnovabbli.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għadu l-akbar prijorità tal-Kummissjoni Ewropea. Dan se jbiddel mill-qiegħ l-UE f'ekonomija ekoloġika moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, bla ma jħalli lil ħadd u lill-ebda post jinqata' lura. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tistabbilixxi objettiv vinkolanti legalment ta' newtralità klimatika sal-2050 u tintroduċi l-mira intermedja biex l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra jonqsu b'mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, bil-pakkett tal-proposti leġiżlattivi msejjaħ “Lesti għall-mira ta' 55%”. Dan il-pakkett leġiżlattiv bħalissa jinsab fi stadju avvanzat ħafna tal-adozzjoni. L-aħħar progress b'rabta mal-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura, ir-Regolament dwar id-Diforestazzjoni, l-inizjattivi li jippromwovu l-Prodotti Sostenibbli u jnaqqsu l-Iskart tal-Imballaġġ se jiżguraw bl-istess mod li l-Unjoni Ewropea twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u tissokta bit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

Aktar informazzjoni 

L-Ewrobarometru Speċjali dwar It-Tibdil fil-Klima

Inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew

“Lesti għall-Mira ta' 55%”: Insegwu l-proposti tal-Kummissjoni

Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
20 Lulju 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta