Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Representation in Malta

L-Att tal-UE dwar il-KIDS biex jiġi ristrett l-aċċess tal-pjattaformi tal-media soċjali għat-tfal fl-UE

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 17 Settembru 2026
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 6 min qari
Press conference by Ursula von der Leyen, President of the European Commission, and Henna Virkkunen, Executive Vice-President of the European Commission, on the EU Kids Act

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-EU KIDS ACT biex ittejjeb is-sikurezza online tat-tfal madwar l-Unjoni.

Il-proposta tipprojbixxi lill-pjattaformi tal-media soċjali milli jaċċessaw tfal taħt l-età ta' 13-il sena u tistabbilixxi età minima għall-UE kollha għall-minorenni biex jiftħu kont tagħhom stess fl-età ta' 15-il sena, u b'hekk jiġi żgurat approċċ gradwali. Il-KIDS ACT jaqleb ukoll l-oneru tal-provi. Issa, il-fornituri tas-servizzi se jkollhom juru li s-servizzi tagħhom huma adattati għall-età u sikuri sa mill-konċepiment.

Fi kliem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen: “Illum, uliedna qegħdin jinteraġixxu mal-aktar teknoloġiji sofistikati li qatt inħolqu. Teknoloġija li qatt ma nħolqot bil-ħsieb tal-benesseri tagħhom. Il-KIDS ACT tagħna qed jaqleb l-oneru tal-provi — huwa f'idejn il-pjattaformi li juru li huma sikuri sa mill-konċepiment. U qed ngħaddu l-kontroll lura f'idejn il-ġenituri, billi qed nagħtuhom l-għodod biex jgħinu lill-uliedhom jinnavigaw dinja online aktar sikura.”

L-EU KIDS ACT li qed jiġi propost huwa strutturat madwar erba' pilastri:

1. Aċċess diferit għall-media soċjali

L-EU KIDS ACT jipproponi li t-tfal jistgħu joħolqu kontijiet awtonomi fuq is-servizzi tal-media soċjali biss mill-età ta' 15-il sena 'l fuq.

Għal tfal bejn it-13 u l-15-il sena, il-proposta titlob kontroll mill-ġenituri, li jippermetti lill-kustodji joħolqu minikontijiet li t-tfal jistgħu jaċċessaw permezz tal-kont tal-kustodju. Dan jippermettilhom jaċċessaw pjattaformi tal-media soċjali u tal-video-sharing adattati għall-età. Barra minn hekk, is-servizzi disponibbli fuq il-minikontijiet iridu jitfasslu b'salvagwardji, bħal kuntatti soċjali limitati u ħin quddiem l-iskrin limitat għal massimu ta' siegħa kuljum, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-kustodji fl-appoġġ għall-iżvilupp awtonomu u sikur tat-tfal tagħhom online.

It-tfal ta' bejn it-3 u t-13-il sena ma jistgħux jaċċessaw il-media soċjali, iżda jistgħu jaċċessaw servizzi ta' video-sharing imfassla apposta għat-tfal permezz ta' kontijiet ġestiti mill-kustodju tagħhom.  Għal dak l-għan, il-pjattaformi jeħtieġ li joffru lill-ġenituri jew lill-kustodji għodda faċli biex tintuża biex jirrestrinġu l-l-aċċess tat-tfal għal tali servizzi adattati għat-tfal, meta jkunu qed jużaw l-apparat tal-adult, u jillimitaw l-esponiment tagħhom għal massimu ta' siegħa kuljum.

2. Sikurezza sa mill-konċepiment

L-EU KIDS ACT jimponi għadd ta' obbligi għas-servizzi online kollha li joffru servizzi tal-media soċjali, video sharing, logħob vidjo online, IA ħbieb u chatbots lil utenti taħt l-età ta' 18-il sena.

Dawn jinkludu projbizzjoni fuq karatteristiċi li joħolqu dipendenza u feeds ta' rakkomandazzjoni bbażati fuq it-tfassil ta' profili li jqabbdu lill-minorenni t-triq għan-niżla lejn kontenut ta' ħsara. Jinkludu wkoll il-projbizzjoni ta' skrolljar infinit mingħajr punti ta' waqfien, tattiki ta' ppremjar, u notifiki push matul il-ħinijiet tal-irqad, kif ukoll kuntatt mhux mitlub minn nies li wieħed ma jkunx jafhom. Barra minn hekk, l-IA ħbieb u ċ-chatbots iridu jkunu mitfija b'mod awtomatiku u ma jistgħux jissimulaw relazzjonijiet interpersonali b'modi li joħolqu dipendenza emozzjonali. 

Il-profili għall-minorenni għandhom ikunu privati b'mod awtomatiku, bl-aċċess għall-ġeolokalizzazzjoni, għall-kamera u għall-mikrofonu mitfi. Is-servizzi online għandhom joffru wkoll metodi faċli biex il-minorenni jimblukkaw u jsikktu lill-utenti, għodod effettivi għall-immaniġġjar tal-ħin, u sistema ta' rakkomandazzjoni sikura li l-minorenni jistgħu jikkontrollaw, jirfinaw u jirrisettjaw. 

3. Aċċertament tal-età li jippreżerva l-privatezza

Skont l-EU KIDS ACT, is-servizzi online u l-ħwienet ta' applikazzjonijiet iridu jużaw għodod ta' aċċertament tal-età. Jistgħu, pereżempju, jużaw l-app tal-UE għall-verifika tal-età, li ma żżommx dokumenti tal-identità jew data bijometrika, u b'hekk tissodisfa l-ogħla salvagwardji li jippreżervaw il-privatezza. L-Istati Membri se jkunu involuti mill-qrib fl-istabbiliment ta' din l-ekosistema.

Barra minn hekk, il-fornituri tas-servizzi tal-media soċjali u l-pjattaformi ta' video-sharing se jintalbu jwettqu verifika tal-età meta utent jiftaħ kont ġdid.

Fir-rigward tal-kontijiet eżistenti, il-fornituri jridu jiddeterminaw l-età tal-utent abbażi ta' indikaturi raġonevoli (eż. id-data tal-ħolqien tal-kont, id-dettalji tal-karta tal-kreditu).

4. Infurzar effettiv

Il-proposta taqleb l-“oneru tal-provi”, u tagħmel lill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna responsabbli biex jagħtu prova li s-servizzi tagħhom huma “sikuri sa mill-konċepiment”.

Se jkunu obbligati jissottomettu pjan ta' konformità lill-Kummissjoni, u lil awditur indipendenti li jrid jivvaluta bir-reqqa s-servizz, il-karatteristika jew il-funzjonalità l-ġdida. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-fornitur jipproponi miżuri korrettivi jekk abbażi tar-rapport tal-awditur, hija tqis li l-pjan ta' konformità fih xi nuqqas.

Il-qafas ta' infurzar jibni fuq l-istrutturi diġà fis-seħħ skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, bl-użu ta' mekkaniżmi stabbiliti u għarfien espert eżistenti. Il-proposta tintroduċi proċeduri ta' infurzar imħaffa kontra l-fornituri f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-EU KIDS ACT, fejn il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-investigazzjonijiet fi żmien 90 jum.

Il-passi li jmiss

Il-proposta leġiżlattiva ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bil-ħsieb li jitnieda l-proċess leġiżlattiv għall-eżami u l-adozzjoni tagħha.  Meta titqies id-domanda ċara għal azzjoni urġenti u komprensiva fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali li l-att jiġi adottat malajr.

Sfond

Il-proposta tal-lum tibni fuq ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kopresidenti tal-Bord Speċjali dwar is-Sikurezza tat-Tfal Online, Dr Maria Melchior u l-Prof. Dr. Jorg M Fegert. Il-President von der Leyen laqqgħet il-Bord Speċjali biex jipprovdi kontribut espert dwar il-qafas tal-UE għas-sikurezza tat-tfal online.

Il-Bord Speċjali, li kien magħmul minn aktar minn 60 espert, inklużi rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti taż-żgħażagħ, ġenituri, edukaturi, psikjatri tat-tfal, speċjalisti tas-saħħa pubblika, newrologi, u speċjalisti tat-teknoloġija, iltaqa' għall-ewwel darba f'Marzu 2026 u ltaqa' tliet darbiet qabel il-preżentazzjoni tar-rapport f'Lulju 2026. 

Barra minn hekk, il-proposta tirrifletti sejħiet dejjem akbar fost l-Ewropej għal protezzjoni akbar għat-tfal online, b'92 % tal-Ewropej iqisu l-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ online bħala prijorità politika ewlenija, kemm jekk mill-bullying ċibernetiku, mill-esponiment għal kontenut ta' ħsara, disinn li joħloq dipendenza jew riskji oħra, skont l-Ewrobarometru Speċjali dwar id-Deċennju Diġitali 2026.

Għal aktar informazzjoni

Proposta tal-EU KIDS ACT

Skeda informattiva tal-EU KIDS ACT

Q&A tal-EU KIDS ACT

Data tal-pubblikazzjoni
17 Settembru 2026
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta