Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Malti
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet15 Ġunju 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta

Politika ta’ Koeżjoni tal-UE: Il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta tjiebet bis-saħħa tal-fondi tal-UE

Hal Far

Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjoni l-inawgurazzjoni tal-lum tal-Multi-Material Recovery Facility f’Ħal Far. Il-faċilità se tiżviluppa modi alternattivi għall-ġbir tal-iskart bl-għan li jitħejja u jinħażen għar-riċiklaġġ u l-esportazzjoni. Dan se jtejjeb il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-iskart ta’ Malta billi l-materjal li jista’ jiġi rkuprat ma jispiċċax il-miżbla u minflok jidħol fl-ekonomija ċirkolari.

Il-proġett ibbenefika minn €11.4-il miljun mill-Fond ta’ Koeżjoni u se jiffoka fuq l-iskart bħall-injam, is-saqqijiet, it-tessuti, il-ħġieġ ċatt, tagħmir elettriku u elettroniku, il-ġablow, il-ġibs, u t-tajers. Il‑Faċilità mistennija tirkupra kważi 20,000 tunnellata ta’ skart sal-2029. 

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Id-dipendenza fuq il-miżbliet titfa’ pressjoni fuq l-ambjent, l-infrastruttura u l-istrutturi ekonomiċi ta’ Malta. Dan il-proġett mistenni li jnaqqas ir-rimi fil-miżbliet u jippermetti użu aktar effiċjenti tal-art, u dan huwa essenzjali biex l-iskart jiġi użat mill-ġdid u rkuprat kemm jista’ jkun, f’konformità mad-direttivi nazzjonali u Ewropej. Il‑Faċilità se tkun ta’ għajnuna konkreta biex tgħin lil Malta fi triqitha biex tnaqqas il-volum ta’ skart li jmur fil-miżbliet, biex b’hekk igawdu l-poplu u l-ambjent.”

 L-inawgurazzjoni se ssir fis-sit tal-faċilità f’Ħal Far waqt konferenza stampa mal-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičius; Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża; u Chris Bonett, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej. Waqt iż-żjara uffiċjali tiegħu f’Malta, il-Kummissarju Sinkevičius se jkollu wkoll ikla ta’ ħidma ma’ Miriam Dalli, u se jżur il‑Kumpless Ecohive u Wied Fulija — miżbla li nbidlet fi spazju aħdar miftuħ. Il-Kummissarju ltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru Robert Abela u kellu skambji bilaterali mal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo. 

Fl-2014–2020, Malta bbenefikat minn finanzjament mill-Politika ta’ Koeżjoni b’valur ta’ aktar minn €1 biljun, inkluż biex tiffinanzja proġetti oħra rilevanti għall-ambjent bħal miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni biex jittejbu l-livelli ta’ riċiklaġġ u r-riabilitazzjoni ta’ Wied Fulija. 

Aktar dettalji dwar il-proġetti appoġġati mill-Politika ta’ Koeżjoni jinstabu fuq Kohesio u fuq il-Cohesion Open Data Platform

Huwa disponibbli filmat dwar il-proġett.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
15 Ġunju 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta