Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet10 Marzu 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta2 min qari

Għajnuna mill-Istat: Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni mal-Istati Membri dwar proposta għal Qafas Temporanju għall-Kriżijiet b'appoġġ għall-ekonomija fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja

state aid

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lill-Istati Membri għal konsultazzjoni abbozz ta' proposta għal Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat għall-Kriżijiet biex tappoġġa l-ekonomija tal-UE fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. L-abbozz ta' proposta huwa bbażat fuq l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, li jippermetti li tingħata għajnuna biex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija tal-UE.

Il-Viċi President Eżekuttiv, Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: L-Ukrajni għandhom l-appoġġ sħiħ tagħna. Għandhom bżonnu peress li jinsabu fi gwerra. Il-gwerra ta' Putin kontra l-Ukrajna se taffettwa wkoll l-ekonomija tal-UE issa u fix-xhur li ġejjin. Għalhekk ninsabu lesti li nużaw il-flessibbiltà sħiħa tas-sett ta' għodod tagħna dwar l-għajnuna mill-Istat biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jappoġġaw lill-kumpaniji u lis-setturi li ntlaqtu ħażin ħafna. Flimkien mal-Istati Membri, qed nesploraw għażliet biex nipprovdu l-appoġġ meħtieġ u proporzjonat. U fl-istess ħin jipproteġu l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku Ewropew.”

Il-Kummissjoni qed tikkonsulta lill-Istati Membri biex tara x'inhuma l-fehmiet tagħhom dwar abbozz ta' Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat għall-Kriżijiet biex tivvaluta liema miżuri huma meqjusa meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali. Dawn jistgħu jikkomplementaw il-possibbiltà eżistenti, skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE, li l-Istati Membri jtaffu l-ħsara kkawżata direttament mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, inklużi ċerti effetti diretti tas-sanzjonijiet ekonomiċi jew miżuri restrittivi oħra meħuda b'reazzjoni.

B'mod partikolari, l-abbozz tal-proposta li dwarha qed issir il-konsultazzjoni jista' jippermetti lill-Istati Membri jagħtu:

  • Appoġġ temporanju ta' likwidità lill-kumpaniji kollha affettwati mill-kriżi attwali. Dan l-appoġġ jista' jieħu l-forma ta' garanziji u self issussidjat.
  • Għajnuna għal spejjeż addizzjonali minħabba prezzijiet eċċezzjonalment għoljin tal-gass u tal-elettriku. Dan l-appoġġ jista' jingħata fi kwalunkwe forma, inklużi għotjiet limitati, biex jikkumpensa parzjalment lill-kumpaniji, b'mod partikolari l-utenti li jagħmlu użu intensiv tal-enerġija, għal żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.

Iż-żewġ tipi ta' miżuri jkunu disponibbli wkoll għal kumpaniji li jikkwalifikaw bħala li jinsabu f'diffikultà peress li jistgħu jiffaċċjaw ħtiġijiet ta' likwidità akuti minħabba ċ-ċirkostanzi attwali. Entitajiet sanzjonati u kkontrollati mir-Russja jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-miżuri.

Il-Kummissjoni qed tistaqsi wkoll għadd ta' mistoqsijiet ġenerali u aktar speċifiċi lill-Istati Membri, eż. fir-rigward tal-intensitajiet u l-limiti massimi tal-għajnuna, id-definizzjoni ta' liema huma l-utenti li jużaw ħafna enerġija, jekk il-kundizzjonalità ekoloġika għandhiex tintrabat mal-għajnuna lil tali utenti, jekk għandhomx jiġu kkunsidrati spejjeż oħra ta' input soġġetti għal żidiet simili fil-prezz bħall-gass u l-elettriku, u jekk ċerti setturi, bħall-agrikoltura, ikunux jeħtieġu miżuri oħra.

Issa l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-abbozz ta' proposta tal-Kumissjoni u jwieġbu dawn il-mistoqsijiet. Il-Kummissjoni se tivvaluta malajr ir-reazzjonijiet sabiex tiffinalizza l-pożizzjoni tagħha dwar Qafas Temporanju ġdid, u se tivvaluta l-miżuri ta' appoġġ notifikati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-kriżi attwali bħala kwistjoni ta' prijorità.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
10 Marzu 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta