
Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-ewwel Strateġija tagħha dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali, biex tkompli tiżviluppa r-rifless tal-ħsieb fit-tul fit-tfassil tal-politika tal-UE, waqt li tagħti aktar piż lill-fehmiet u lit-tħassib taż-żgħażagħ. L-għan ġenerali tal-UE huwa li tiggarantixxi li d-deċiżjonijiet attwali jittieħdu bil-ħsieb tal-futur, filwaqt li tiżgura bilanċ ġust tal-benefiċċji u l-piżijiet fost il-ġenerazzjonijiet kollha.
L-Istrateġija tallinja mal-isforzi globali li fl-ippjanar u l-politiki jittieħed approċċ li jħares fit-tul, bħal fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Ġenerazzjonijiet Futuri. Hija msawra madwar il-kunċett ta' “Kuntratt Interġenerazzjonali”, mibni fuq tliet sisien:
- Tfassil ekwu tal-politika, bl-applikazzjoni ta' “verifika taż-żgħażagħ” u għodod ta' prospettiva;
- Opportunitajiet ekwi, biex jiġi indirizzat ir-riskju ta' diskriminazzjoni abbażi tal-età;
- Postijiet ekwi, sabiex ir-reġjun li titwieled fih ma jiddeterminax il-futur tiegħek.
L-istrateġija tadotta perspettiva fit-tul, li tħares lejn kif l-isfidi kumplessi, bħat-tibdil demografiku, il-bidliet ġeopolitiċi, it-tibdil fis-suq tax-xogħol, it-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali fost ħafna oħrajn, jaffettwaw kemm lill-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll lil dawk futuri. L-Istrateġija tirrikonoxxi li dawn l-isfidi juru kemm il-kamp ta' applikazzjoni kif ukoll l-urġenza ta' din il-kwistjoni.
Biex jintlaħaq dan l-għan, l-Istrateġija tistabbilixxi għadd ta' azzjonijiet, inklużi:
- Indiċi tal-Ġustizzja Interġenerazzjonali biex jiġu identifikati l-opportunitajiet u l-lakuni, jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta' politika u tiġi promossa l-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet;
- Pakkett ta' Tfassil ta' Politika Multilingwi Orjentata lejn il-Futur biex jappoġġa l-iżvilupp tal-litteriżmu futur fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri kollha tal-UE;
- L-organizzazzjoni ta' forum dwar id-demografija għall-iskambju dwar l-iżviluppi demografiċi;
- L-inizjattiva “Vuċijiet tal-Futur” (Voices of the Future) li għandha titnieda fi sħubija mal-Kumitat tar-Reġjuni, u tistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jinvolvu ruħhom fit-tiswir tal-futur tar-reġjuni tagħhom.
L-Istrateġija tipprovdi wkoll direzzjoni komuni għal inizjattivi differenti tal-UE li diġà qed jikkontribwixxu għall-ekwità interġenerazzjonali, filwaqt li tissottolinja n-natura trasversali tagħha. Il-kompetittività u l-promozzjoni ta' Mudell Soċjali Ewropew b'saħħtu jingħataw prijorità. Minn edukazzjoni inklużiva u akkomodazzjoni affordabbli għal sistemi ta' kura b'saħħithom u ġustizzja ambjentali, l-Istrateġija tgħin biex tinkorpora l-ekwità interġenerazzjonali fl-oqsma kollha ta' politika.
Fil-livell globali, l-UE u l-Istati Membri tagħha approvaw il-Patt tan-NU għall-Futur u d-Dikjarazzjoni dwar il-Ġenerazzjonijiet Futuri, li jissottolinjaw l-importanza tal-multilateraliżmu u l-promozzjoni ta' ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.
Rapport ta' Progress fil-bidu tal-2028 se jikkontribwixxi għall-proċess tal-Ġenerazzjonijiet Futuri tan-NU.
Sfond
Fil-Linji Gwida Politiċi 2024-2029, il-President tal-Kummissjoni von der Leyen ħabbret li l-UE trid tiżgura “li d-deċiżjonijiet meħuda llum ma jagħmlu l-ebda ħsara lill-ġenerazzjonijiet futuri u li jkun hemm aktar solidarjetà u interazzjoni bejn persuni ta' etajiet differenti.” F'dan il-kuntest, il-Kummissarju Micallef, responsabbli għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali, ingħata l-kompitu li jħejji “Strateġija dwar il-Ġustizzja Interġenerazzjonali biex jiġi identifikat kif nistgħu nsaħħu l-komunikazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet u niżguraw li l-interessi tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jiġu rispettati matul it-tfassil tal-politika u tal-liġijiet tagħna.”
L-Istrateġija dwar il-Ġustizzja Interġenerazzjonali ġiet żviluppata permezz tar-riċerka u l-parteċipazzjoni, abbażi tal-evidenza u l-metodi tal-Laboratorju tal-Politika tal-UE taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u Panel taċ-Ċittadini Ewropej. Dan tal-aħħar laqqa' flimkien 150 ċittadin magħżula bix-xorti mis-27 Stat Membru kollha tal-UE, li taw 24 rakkomandazzjoni biex titrawwem l-ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet. Il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej huma parti mill-għodod tal-UE biex jappoġġjaw id-djalogu fi ħdan il-ġenerazzjonijiet kif ukoll bejn ġenerazzjonijiet differenti. Eżempji oħra jinkludu d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u l-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal.
F'Settembru 2024, il-mexxejja dinjija adottaw il-Patt għall-Futur, u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Ġenerazzjonijiet Futuri.
Għal aktar informazzjoni
Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali
Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u l-Ekwità Interġenerazzjonali
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 5 Marzu 2026
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta