Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Representation in Malta

Il-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel strateġiji tal-UE għall-gżejjer u l-komunitajiet kostali

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 10 Ġunju 2026
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 7 min qari
Read-out of the weekly meeting of the von der Leyen Commission by Raffaele Fitto, Executive Vice-President of the European Commission, and Costas Kadis, European Commissioner, on EU strategies supporting coastal communities and islands

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ strateġiji ddedikati – waħda għall-gżejjer tal-UE u l-oħra għall-komunitajiet kostali tal-UE – biex b’hekk għall-ewwel darba stabbiliet approċċ Ewropew ikkoordinat biex dawn iż-żewġ tipi ta’ territorju jiġu appoġġati u biex il-potenzjal tagħhom fit-tul ikun jista’ jintlaħaq.

Iż-żewġ inizjattivi jintroduċu approċċ immirat, iddedikat għall-ħtiġijiet speċifiċi u l-isfidi uniċi ta’:

  • 17-il miljun ruħ li jgħixu fuq aktar minn 4,000 gżira f’16-il Stat Membru tal-UE;
  • 95 miljun ruħ li jgħixu matul is-70,000 km tal-kosti u f’żoni kostali fl-UE fi 22 Stat Membru.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ koerenti u olistiku li jindirizza l-ekonomija, il-konnettività, l-enerġija, l-ambjent, id-demografija u s-sigurtà b’mod integrat, bl-għan li l-isfidi li dawn it-territorji qegħdin jaffaċċjaw jissarrfu f’opportunitajiet u f’punti b’saħħithom dejjiema. Dan jinkludi li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom jiġu kompletament riflessi fil-proposti futuri u jiġu allinjati mal-prijoritajiet usa’ tal-UE.

Il-biċċa l-kbira tal-gżejjer tal-UE jaqsmu bejniethom sfidi komuni li jħallu impatt fuq is-sostenibbiltà ekonomika u l-kwalità tal-ħajja tagħhom, bħall-iżolament ġeografiku, konnettività limitata, spejjeż tat-trasport kbar u ħinijiet tal-ivvjaġġar twal, swieq żgħar u frammentati, dipendenza żejda fuq it-turiżmu u l-fjuwils fossili, vulnerabbiltà klimatika, tnaqqis demografiku, skarsezza tal-ilma, aċċess imnaqqas għas-servizzi essenzjali, u konsegwenzi oħrajn tal-insularità.

Fl-intersezzjoni bejn l-art u l-baħar, il-komunitajiet kostali tal-Ewropa huma assi vitali. Jikkombinaw il-wirt għani ambjentali, kulturali u marittimu ma’ potenzjal qawwi li jixprunaw ekonomija blu sostenibbli. Fl-istess waqt, il-komunitajiet kostali tal-Ewropa huma tal-ewwel li qed jaffrontaw it-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità marina u kostali, u t-tniġġis tal-baħar, li jħallu impatt fuq ir-reżiljenza fit-tul u t-tkabbir ekonomiku tagħhom. Hemm ukoll dawk li jaffaċċaw forom ta’ pressjoni differenti, fosthom it-turiżmu żbilanċjat, nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli, l-istaġjonalità tal-attività ekonomika u opportunitajiet ta’ xogħol limitati, li jwasslu għal emigrazzjoni taż-żgħażagħ u instabbiltà ekonomika.

Huwa għalhekk li huwa essenzjali approċċ imfassal apposta. Dawn iż-żewġ strateġiji jaħdmu flimkien u jsaħħu lil xulxin biex jindirizzaw pressjonijiet kondiviżi waqt li jirrispondu għar-realtajiet partikolari tal-gżejjer u tal-komunitajiet kostali.

B’rikonoxximent ta’ dawn il-pressjonijiet interkonnessi, l-UE żviluppat iż-żewġ strateġiji komplementari biex tibni qafas koeżiv fi ħdan politiki u finanzjament eżistenti, bil-ħsieb li jsaħħu l-opportunità ekonomika, il-kwalità tal-ħajja, u r-reżiljenza.

Strateġija valida għall-futur għall-gżejjer tal-Ewropa

L-istrateġija għandha l-għan li tintegra l-ħtiġijiet tal-gżejjer u li tirrifletti l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom f’politiki usa’ tal-UE adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Din hija mibnija fuq erba’ pilastri ewlenin:

  • L-iżvilupp ekonomiku, il-konnettività, il-kompetittività, u l-innovazzjoni: spinta lill-imprenditorjat, ekonomiji lokali diversifikati, turiżmu sostenibbli, u d-diġitalizzazzjoni, filwaqt li jiġu indirizzati l-lakuni fil-konnettività li jxekklu lill-attività ekonomika u l-ħajja fil-gżejjer.
  • Sigurtà tal-enerġija, protezzjoni ambjentali u reżiljenza għat-tibdil fil-klima: aċċelerazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni, tal-enerġija rinnovabbli, tal-adattament għat-tibdil fil-klima, u tal-protezzjoni tal-bijodiversità.
  • Komunitajiet u demografija: tisħiħ tas-servizzi pubbliċi, tal-kura tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni, tal-edukazzjoni u tal-inklużjoni soċjali biex titreġġa’ lura d-depopolazzjoni u ż-żgħażagħ ma jitilqux.
  • Sigurtà u preparatezza għall-kriżijiet: it-tisħiħ tar-reżiljenza kontra d-diżastri naturali marbuta mal-kriżi klimatika, ir-riskji marittimi u theddid emerġenti ieħor.

L-istrateġija tippromwovi l-istabbiliment ta’ djalogu regolari bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-interessi tal-gżejjer, kif ukoll diversi miżuri ta’ appoġġ tekniku, fosthom il-bini tal-kapaċità u l-iskambju ta’ prattiki tajba. L-Istati Membri huma mistiedna jinkludu miżuri mmirati għall-iżvilupp tal-gżejjer fil-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali futuri tagħhom, inklużi dawk marbuta mal-insularità f’oqsma bħall-konnettività, is-servizzi u l-infrastruttura. L-Istati Membri huma wkoll mistiedna joħorġu b’għodod ta’ investiment territorjali biex jippromwovu strateġiji integrati għall-gżejjer u jiffaċilitaw kooperazzjoni aħjar.

Strateġija għal komunitajiet kostali prosperi

L-istrateġija dwar il-komunitajiet kostali tiffoka fuq tliet prijoritajiet:

  • Biex tixpruna l-prosperità, tippromwovi ekonomija blu dinamika, kompetittiva u diversifikata, li trawwem l-innovazzjoni, mudelli ġodda ta’ negozju – bħall-peskaturiżmu, il-bijoekonomija, u l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta – u toħloq opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja.
  • Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza, issaħħaħ l-adattabbiltà għat-tibdil fil-klima u sfidi usa’ ambjentali, ekonomiċi, soċjali u tas-sigurtà, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva OceanEye li ġiet ippreżentata reċentement.
  • Biex issaħħaħ l-abitabbiltà, tippromwovi postijiet vibranti, inklużivi u attraenti li fihom jistgħu jiffjorixxu nies ta’ kull età – li jaħdmu, jgħixu u jgawdu l-ambjent ta’ madwarhom – filwaqt li jitħarsu l-kultura marittima, il-patrimonju, u l-identità lokali.

L-istrateġija tenfasizza soluzzjonijiet imfassla apposta u mmexxija lokalment, b’rikonoxximent tal-ħtiġijiet differenti tal-komunitajiet kostali – minn irħula tas-sajd remoti sa bliet portwarji ewlenin.

Il-miżuri ewlenin jinkludu:

  • L-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet kostali fl-ippjanar tal-ispazju marittimu permezz tal-Att dwar l-Oċeani li ġej, il-promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-kapital naturali tal-oċean, it-trawwim tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-isfruttar ta’ opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli.
  • L-appoġġ għar-raggruppamenti u l-ktajjen tal-provvista tal-bijoekonomija blu fiż-żoni kostali permezz ta’ proġetti lokali mmexxija mill-komunità, bħala parti mill-Inizjattiva futura tal-UE għall-Innovazzjoni tal-Bijoekonomija Blu.
  • L-iżvilupp ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-krediti tal-karbonju blu biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għas-servizzi tal-ekonomija blu u l-introjtu għall-komunitajiet kostali.
  • Tiġi avvanzata r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima permezz ta’ aktar valutazzjonijiet tar-riskju, immappjar tal-investiment u appoġġ għall-bini tal-kapaċità għall-adattament kostali, bl-involviment tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Missjonijiet tal-UE ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima u r-Restawr tal-Oċean u l-Ilmijiet Tagħna.

Sfond

Fl-UE hemm aktar minn 4,000 gżira abitata f’ 16-il Stat Membru – inklużi t-tliet gżejjer nazzjon ta’ Malta, Ċipru, u l-Irlanda u Malta – fejn jgħixu madwar 17-il miljun persuna. Dawn il-gżejjer huma parti vitali mill-identità, l-ekonomija, l-istorja u l-wirt kulturali tal-UE. L-Istrateġija tal-UE dwar il-Gżejjer tal-UE tibni fuq konsultazzjoni pubblika estensiva, inklużi l-kontributi tal-partijiet ikkonċernati għal Sejħa għal Evidenza, kif ukoll il-kontribut mill-Parlament Ewropew, mill-Kumitat tar-Reġjuni, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u mill-komunitajiet tal-gżejjer, li kienu ilhom favur qafas ta’ politika ddedikat.

Sadanittant, 95 miljun persuna – 21 % tal-popolazzjoni tal-UE – jgħixu tul is-70,000 km tal-kosta tal-UE jew f’żoni kostali fi 22 Stat Membru. L-istrateġija tal-UE għall-Komunitajiet Kostali kienet infurmata b’mod simili minn Sejħa pubblika għal Evidenza, li żgurat li l-ilħna lokali sawru l-iżvilupp tagħha. Iż-żewġ strateġiji jallinjaw mal-Patt Ewropew għall-Oċeani (imniedi fl-2025) u jikkomplementaw politiki usa’ tal-UE dwar l-azzjoni klimatika, il-koeżjoni u l-iżvilupp sostenibbli. Ir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE, madankollu, mhumiex koperti minn dawn il-proposti, peress li huma indirizzati taħt strateġija ddedikata separata – li tirrikonoxxi l-istatus uniku tagħhom skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din is-istrateġija se tiġi ppreżentata aktar tard din is-sena.

Għal aktar informazzjoni Komunikazzjoni dwar il-gżejjer tal-UE Komunikazzjoni dwar il-komunitajiet kostali tal-UE Skeda informattiva dwar l-istrateġija tal-UE għall-gżejjer Skeda informattiva dwar l-istrateġija tal-komunitajiet kostali tal-UE Il-Patt Ewropew dwar l-Oċeani

Data tal-pubblikazzjoni
10 Ġunju 2026
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta