Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Representation in Malta

Il-Kummissjoni tapprova parzjalment ir-raba' talba għal pagament ta' Malta għal EUR 51,5 miljun taħt in-NextGenerationEU

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 20 Marzu 2026
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 4 min qari
NxtGenEU

Illum, il-Kummissjoni Ewropea approvat parzjalment ir-raba' talba għal pagament ta' Malta għal EUR 51,5 miljun taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), il-qofol ta' NextGenerationEU.

Dan huwa pass importanti fit-twettiq ta' riformi u investimenti marbuta ma' din it-talba għal pagament, fl-oqsma tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni.

Il-Kummissjoni sabet li Malta lestiet b'mod sodisfaċenti 25 minn 26 stadju importanti u mira stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Il-miżuri ewlenin f'din it-talba għal pagament jinkludu:

  • Programm ta' appoġġ għal-litteriżmu: l-introduzzjoni ta' programmi ta' qari mmirati li jgħinu lil aktar minn 1,000 student żagħżugħ ilaħħqu u jilħqu profiċjenza fil-qari adatta għall-età. Dan il-programm personalizzat isaħħaħ l-indipendenza u l-awtostima tat-tfal, filwaqt li jnaqqas l-inugwaljanzi edukattivi minn età bikrija.
  • Identifikazzjoni tal-patoloġija diġitali modernizzata: l-użu ta' stazzjonijiet tax-xogħol avvanzati u infrastruttura tal-IT, biex titħaffef id-dijanjostika, jittejjeb it-teħid ta' deċiżjonijiet kliniċi, u tiġi ottimizzata l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-isptarijiet. Din l-innovazzjoni timmarka qabża sinifikanti 'l quddiem kemm fil-kwalità tal-kura tas-saħħa kif ukoll fl-effiċjenza operazzjonali.
  • Trasferiment tal-awtorità tal-prosekuzzjoni lill-uffiċċju tal-avukat ġenerali: Din ir-riforma storika ċċaqlaq ir-responsabbiltajiet tal-prosekuzzjoni għal aktar minn 30 kategorija ta' reati mill-pulizija għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Ir-ristrutturar isaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja, itejjeb it-trattament tal-każijiet, u jsaħħaħ l-istat tad-dritt billi jistabbilixxi servizz ta' prosekuzzjoni speċjalizzat iddedikat.

Il-Kummissjoni sabet li stadju importanti wieħed relatat ma' riforma tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa għadu ma ntlaħaqx, speċifikament fir-rigward tad-dħul fis-seħħ ta' atti legali biex jittaffew ir-riskji relatati ma' pagamenti deħlin u ħerġin.

Din il-proċedura hija konformi mar-Regolament RRF u mal-linji gwida ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikati fil-21 ta' Frar 2023.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni issa bagħtet il-valutazzjoni preliminari tagħha tat-twettiq minn Malta tal-istadji importanti u l-miri meħtieġa għal dan il-pagament lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) tal-Kunsill, li għandu erba' ġimgħat biex jagħti l-opinjoni tiegħu.

B'mod parallel, il-Kummissjoni kkomunikat lil Malta r-raġunijiet għaliex tqis li l-istadju importanti msemmi hawn fuq ma ntlaħaqx b'mod sodisfaċenti. Malta issa għandha xahar biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni.

Jekk il-Kummissjoni, wara l-osservazzjonijiet ta' Malta, tikkonferma l-valutazzjoni tagħha li l-istadju importanti inkwistjoni ma ntlaħaqx b'mod sodisfaċenti, se tissospendi l-ammont li jikkorrispondi għal dan l-istadju importanti, mill-ammont totali ta' EUR 51,5 miljun taħt din it-talba għall-pagament.

L-ammont li jikkorrispondi għall-istadju importanti pendenti se jiġi ddeterminat billi tiġi applikata l-metodoloġija tal-Kummissjoni għas-sospensjonijiet tal-pagamenti (spjegata fl-Anness II tal-Komunikazzjoni ppubblikata fil-21 ta' Frar 2023), li tapplika għall-Istati Membri kollha, u li tpoġġi piż sinifikanti fuq l-istadji importanti ewlenin tar-riforma. Minn dak il-mument, Malta se jkollha perjodu ta' sitt xhur biex tieħu azzjoni u tissodisfa l-impenn pendenti. Fi tmiem dan il-perjodu, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk dan l-istadju importanti ntlaħaqx b'mod sodisfaċenti. Jekk dan ikun il-każ, hija tneħħi s-sospensjoni u tipproċedi bil-ħlas tal-ammont sospiż.

Il-pagament lil Malta għall-istadji importanti u l-miri diġà approvati jista' jsir wara l-opinjoni pożittiva tal-KEF u l-adozzjoni ta' deċiżjoni dwar il-pagament mill-Kummissjoni fi stadju aktar tard.

Sfond

Malta ppreżentat ir-raba' talba għall-pagament tagħha fid-19 ta' Diċembru 2025. Il-pjan Malti għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi firxa wiesgħa ta' miżuri ta' investiment u riforma li jappoġġaw l-objettivi tat-tranżizzjoni klimatika u diġitali.

Bil-ħsieb tal-għeluq tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fi tmiem l-2026, l-Istati Membri jridu jimplimentaw l-istadji importanti u l-miri pendenti kollha sa Awwissu 2026 u jippreżentaw l-aħħar talbiet għall-pagament sal-aħħar ta' Settembru 2026.

Għal aktar informazzjoni

Il-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni tar-raba' talba għal pagament ta' Malta

Il-pjan ta' Malta għall-irkupru u r-reżiljenza

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Mappa tal-proġett tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Tabella ta' Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Proċess ta' talba għal pagament għall-Irkupru u r-Reżiljenza

L-UE bħala mutwatarju

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
20 Marzu 2026
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta