Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet4 Awwissu 2021

Il-Kummissjoni tapprova kuntratt ġdid għal vaċċin potenzjali kontra l-COVID-19 ma' Novavax

p050909-735472.jpg
© EU
Illum, il-Kummissjoni Ewropea approvat is-seba' Ftehim ta' Xiri bil-Quddiem (APA) ma' kumpanija tal-farmaċewtika biex tiżgura l-aċċess għal vaċċin potenzjali kontra l-COVID-19 fl-aħħar tliet xhur tal-2021 u fl-2022.

B'dan il-kuntratt, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jixtru sa 100 miljun doża tal-vaċċin Novavax, bl-għażla għal 100 miljun doża oħra tul l-2021, l-2022 u l-2023, ladarba jiġi rieżaminat u approvat mill-EMA bħala sikur u effettiv. L-Istati Membri se jkunu jistgħu wkoll jagħmlu donazzjoni ta' vaċċini lil pajjiżi b'introjtu baxx u medju jew jiddiriġuhom lil pajjiżi Ewropej oħra.

Il-kuntratt tal-lum jikkumplementa portafoll diġà wiesa' ta' vaċċini li se jiġu prodotti fl-Ewropa, inklużi l-kuntratti ma' AstraZeneca, Sanofi-GSK, Janssen Pharmaceutica NV, BioNtech-Pfizer, CureVac, Moderna u d-diskussjonijiet esploratorji konklużi ma' Valneva. Jirrappreżenta pass ewlieni ieħor li jiżgura li Ewropa tkun lesta biex taffaċċja l-pandemija tal-COVID-19.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, stqarret: “Issa li l-varjanti ġodda tal-coronavirus qed jinfirxu fl-Ewropa u madwar id-dinja, dan il-kuntratt il-ġdid ma' kumpanija li diġà qed tittestja l-vaċċin tagħha b'suċċess kontra dawn il-varjanti huwa miżura ta' salvagwardja oħra għall-protezzjoni tal-popolazzjoni tagħna. Ikompli jsaħħaħ il-portafoll wiesa' tagħna tal-vaċċini, għall-ġid tal-Ewropej u tas-sħab tagħna mad-dinja kollha.”

Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, qalet: “Il-vaċċinazzjoni fl-UE miexja 'l quddiem u qed noqorbu dejjem iktar għall-mira tagħna ta' 70 % taċ-ċittadini li jkunu kompletament vaċċinati sa tmiem is-sajf. Il-ftehim il-ġdid tagħna ma' Novavax jespandi l-portafoll tal-vaċċini tagħna biex jinkludi vaċċin ieħor abbażi ta' proteini, pjattaforma li tipprometti tajjeb fil-provi kliniċi. Se nkomplu naħdmu bla heda biex niżguraw li l-vaċċini tagħna jibqgħu jilħqu liċ-ċittadini fl-Ewropa u madwar id-dinja, sabiex intemmu din il-pandemija malajr kemm jista' jkun.”

Novavax hija kumpanija tal-bijoteknoloġija li tiżviluppa vaċċini tal-ġenerazzjoni li jmiss għal mard infettiv serju. Il-vaċċin tagħhom kontra l-COVID-19 diġà qed jiġi rieżaminat mill-EMA bil-ħsieb ta' awtorizzazzjoni potenzjali għas-suq.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tappoġġa dan il-vaċċin abbażi ta' valutazzjoni xjentifika soda, tat-teknoloġija użata, tal-esperjenza tal-kumpanija fl-iżvilupp ta' vaċċini u tal-kapaċità ta' produzzjoni tagħha biex il-vaċċin jiġi pprovdut madwar l-UE kollha.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
4 Awwissu 2021