
Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika
Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji. Id-deċiżjonijiet ewlenin li ħadet il-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qiegħda tagħlaq ukoll 70 każ peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni m'għandhiex għalfejn tkompli bil-proċedura ta' ksur.
L-attivitajiet ta' infurzar tal-Kummissjoni u l-konformità tal-Istati Membri mad-dritt tal-UE jistgħu jiġu segwiti permezz ta' mapep interattivi u graffs li jistgħu jiġu adattati. Għal aktar dettalji dwar il-kronoloġija ta' każ jew biex taċċessa l-bażi tad-data sħiħa tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, ir-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur huwa miftuħ għall-konsultazzjoni. U aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE tinsab f'dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet.
1. Ambjent
(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Maëlys Dreux – Tel.: +32 229 54673)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Polonja biex tieħu l-miżuri meħtieġa u tirrestawra l-ekosistema tax-Xmara Oder
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja (INFR(2026)2009) talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE), id-Drettiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (id-Direttiva 2010/75/UE), u d-Direttivi dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) u dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE). Il-korpi tal-ilma, il-ħabitats u l-ispeċijiet tal-Polonja qed jiddeterjoraw, kif turi l-proliferazzjoni tal-algi tossiċi fix-Xmara Oder tas-sajf tal-2022 li wasslet għall-mewt ta' ammont kbir ta' ħut. L-Oder hija passaġġ fuq l-ilma ewlieni fl-Ewropa Ċentrali li jipprovdi firxa wiesgħa ta' servizzi tal-ekosistema — bħas-sajd, l-ilma tax-xorb, ir-rikreazzjoni u t-turiżmu. Fost l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma nsibu r-restawr u l-protezzjoni taċ-ċiklu tal-ilma. Fis-sajf tal-2022, il-proliferazzjoni qawwija ta' speċi ta' alka tossika msejħa “alka dehbija” wasslet għall-qerda tal-ħajja akkwatika, inkluż aktar minn 360 tunnellat ħut, tul medda ta' 500 kilometru. Is-salinità għolja u l-konċentrazzjonijiet għoljin ta' nutrijenti huma r-raġunijiet ewlenin għall-proliferazzjoni intensa tal-algi. Fis-sajf tal-2024, fil-baċir tax-Xmara Oder reġgħu nstabu mejta aktar minn 100 tunnellata ħut, peress li l-“alka dehbija” għadha preżenti fil-baċir tax-Xmara Oder u s-salinità tal-ilma għadha għolja. Il-Polonja awtorizzat skariki ta' ilma mielaħ mill-minjieri fix-xmara, minkejja li kienet taf li jħallu impatt negattiv fuq l-istatus tal-ilma. Il-miżuri li ħadet il-Polonja ma kinux biżżejjed biex ireġġgħu lura d-deterjorament u jiżguraw li l-korpi tal-ilma jiksbu status tajjeb. Il-Polonja naqset ukoll milli tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura r-restawr tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti preżenti tul ix-xmara, bħall-bitterling jew l-ispined loach. Fl-aħħar nett, il-Polonja adottat pjan ta' mmaniġġjar tal-baċir tax-xmara mingħajr ma qieset id-diżastru tas-sajf tal-2022 u l-impatti tiegħu. Permezz ta' hekk, il-Polonja naqset ukoll milli tissodisfa r-rekwiżiti li twettaq valutazzjoni xierqa tal-impatt tal-pjan fuq is-siti ta' Natura 2000 li tkun ibbażata fuq data aġġornata. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-Italja biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2026)2038) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva (UE) 2020/2184). Kif sottolinjat fl-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma, l-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti dwar il-kwalità tal-ilma tal-UE hija kruċjali għall-protezzjoni ta' saħħet il-bniedem u tal-ambjent. Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb għandha l-għan li tipproteġi saħħet il-bniedem billi tipprovdi ilma tal-vit iktar nadif, taġġorna l-istandards tal-kwalità tal-ilma, u tindirizza s-sustanzi niġġiesa ta' tħassib, bħall-interferenti endokrinali u l-mikroplastiċi. L-Istati Membri kellhom sat-12 ta' Jannar 2023 biex jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali u jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tagħha. Għad hemm diversi nuqqasijiet fit-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva min-naħa tal-Italja. Fosthom insibu l-limitazzjoni tal-ambitu tal-valutazzjoni tar-riskju tas-sistemi ta' distribuzzjoni domestika, il-posponiment ta' ċerti obbligi, in-nuqqas tal-obbligu li l-persuni vulnerabbli jiġu infurmati dwar kif jistgħu jaċċessaw l-ilma tax-xorb, il-fatt li d-derogi jiġu limitati biss għal ċirkostanzi debitament ġustifikati u għall-iqsar perjodu possibbli, kif ukoll in-nuqqas ta' valur ta' gwida għall-ġestjoni tal-preżenza ta' metaboliti tal-pestiċidi mhux rilevanti fl-ilma tax-xorb. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-Irlanda biex tallinja l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mad-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2026)2037) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss (id-Direttiva (UE) 2019/904). L-għan tad-Direttiva huwa li tipprevjeni u tnaqqas l-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent u fuq saħħet il-bniedem, kif ukoll li tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b'mudelli tan-negozju, prodotti u materjali innovattivi u sostenibbli. L-Irlanda ttrasponiet b'mod korrett ħafna mill-obbligi ewlenin tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Madankollu, ir-rekwiżit għall-produtturi ta' oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss li jkopru l-kostijiet tal-inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni ma ġiex traspost. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Irlandiżi ma ttrasponewx ir-rekwiżit li jiżguraw li l-kostijiet marbuta mat-tindif tar-rimi bl-addoċċ mill-awtoritajiet pubbliċi jiġu koperti mill-produtturi. Il-leġiżlazzjoni ma fihiex dispożizzjonijiet li jippermettu lill-produtturi minn Stati Membri oħra jaħtru rappreżentant awtorizzat fl-Irlanda, li mbagħad iċaħħad lill-operaturi ekonomiċi tal-UE mhux Irlandiżi mill-possibbiltà li jiġu rrappreżentati fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, id-dritt Irlandiż ma fihx miżuri speċifiċi biex jinkiseb tnaqqis kwantifikabbli fil-plastiks li jintużaw darba biss fl-2026 u biex jiġi żgurat il-ġbir separat għar-riċiklaġġ ta' ċerti plastiks li jintużaw darba biss. Fl-aħħar nett, l-Irlanda naqset milli tistabbilixxi skadenzi għall-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur għal xi prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-Irlanda biex tlesti n-network ta' siti marini ta' Natura 2000 tagħha
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2026)2051) talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) u d-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE). Skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-Istati Membri jeħtiġilhom jipproponu siti ta' importanza Komunitarja (SIK) biex jipproteġu t-tipi ta' ħabitats u speċijiet l-aktar mhedda tal-UE, inkluż diversi speċijiet marini. Skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikklassifikaw iż-żoni ta' protezzjoni speċjali (ŻPS) biex jipproteġu ċerti speċijiet ta' għasafar, inkluż diversi għasafar tal-baħar. Dawn is-siti jikkontribwixxu għan-network ta' siti tan-natura protetti magħrufa bħala Natura 2000 ta' madwar l-UE u għall-ilħuq tal-mira tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 li legalment jiġu protetti imqar 30 % tal-ibħra. Għas-siti fl-ambjent marin, il-Kummissjoni kienet qablet mal-Istati Membri li jkollhom ċans jistabbilixxu dan in-network sal-2012. Bħala segwitu għal dan l-obbligu, fl-2015 il-Kummissjoni bdiet sensiela ta' investigazzjonijiet biex tivvaluta l-progress li sar f'diversi Stati Membri, fosthom fl-Irlanda. Filwaqt li l-Irlanda wettqet monitoraġġ sinifikanti tal-ilmijiet marini tagħha, l-awtoritajiet Irlandiżi għadhom ma pproponewx formalment SIK marini ġodda u għadhom ma kklassifikawx ŻPS marini f'żoni kostali u lil hinn mill-kosta. B'mod aktar speċifiku, hemm bżonn jiġu stabbiliti SIK addizzjonali għall-iskollijiet, għas-sikek, għad-denfil geddumu qasir u għad-denfil iswed. L-Irlanda għandha tistabbilixxi wkoll biżżejjed ŻPS għal 8 speċijiet ta' għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar u 11-il speċi ta' għasafar migratorji li huma regolarment preżenti fl-Irlanda. Jekk ma jiġux proposti tali siti, tant snin wara l-iskadenza, se tixxekkel l-introduzzjoni rapida tal- proġetti marbuta mal-enerġija rinnovabbli, peress li tinħoloq inċertezza legali għall-awtoritajiet u l-iżviluppaturi. L-Irlanda għandha pjanijiet ambizzjużi fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, li l-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ. Biex isir progress fl-issodisfar ta' dan l-objettiv, hemm bżonn li jkun ċar għall-awtoritajiet u għall-iżviluppaturi liema huma l-aktar żoni ambjentalment sensittivi. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Spanja (INFR(2017)2100) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tal-ġbir, tat-trattament u tal-monitoraġġ stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE). L-ilma mormi mhux trattat jista' jkun ta' riskju għal saħħet l-bniedem u jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija, l-ilmijiet kostali u l-ilma tal-pjan. Id-Direttiva tipproteġi kemm il-kwalità tal-ilma kif ukoll saħħet il-bniedem billi tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru u jittrattaw l-ilma mormi urban tagħhom għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 2,000 persuna jew aktar qabel jiġi skarikat fl-ambjent. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li maż-żmien l-iskariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi jibqgħu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Għalhekk, l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi tikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-ilma fl-UE kollha. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja f'Ottubru 2017 u opinjoni motivata f'Novembru 2019. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-isforzi tal-awtoritajiet Spanjoli sal-lum il-ġurnata ma kinux biżżejjed, u għalhekk qiegħda tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs
(Għal aktar informazzjoni: Siobhan McGarry – Tel.: +32 2 296 47 98; Rüya Perincek – Tel.: +32 460 76 25 10)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Ungerija u lis-Slovakkja biex jieqfu jittrattaw b'mod diskriminatorju liċ-ċittadini tal-UE meta jimlew il-vetturi tagħhom bil-fjuwil
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2026)4008) u lis-Slovakkja (INFR(2026)4009) minħabba l-prezzijiet diskriminatorji tal-fjuwil tagħhom għas-sewwieqa tal-karozzi rreġistrati f'pajjiżi oħra. Fis-Slovakkja, il-prezz tad-diżil għas-sewwieqa tal-karozzi li mhumiex irreġistrati fis-Slovakkja jiġi rregolat u ffissat kull ġimgħa wara l-iżvilupp fil-prezzijiet fil-pajjiżi ġirien, filwaqt li s-sewwieqa tal-karozzi rreġistrati fis-Slovakkja jistgħu jgawdu minn prezz tas-suq aktar baxx. Oriġinarjament il-miżura ġiet adottata għal 30 jum biss, iżda fis-17 ta' April 2026 ġiet estiża. Fl-Ungerija ġew introdotti prezzijiet fissi protetti għas-sewwieqa tal-vetturi bi pjanċi Ungeriżi, filwaqt li s-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż iridu jħallsu prezzijiet tas-suq ogħla. Dawn il-miżuri jiksru diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u sekondarju tal-UE relatati mas-Suq Uniku, jiġifieri l-moviment liberu tal-merkanzija (it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE)), il-moviment liberu tas-servizzi (it-TFUE jew id-Direttiva 2006/123/KE), il-moviment liberu tal-ħaddiema u t-trattament ugwali tagħhom (it-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 492/2011), il-moviment liberu tas-servizzi tat-trasport bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1073/2009) u l-libertà tal-istabbiliment (it-TFUE jew id-Direttiva 2006/123/KE). Barra minn hekk, il-miżuri kkonċernati ma ġewx innotifikati qabel ġew adottati, u dan imur kontra l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 (id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku). Barra minn hekk, l-Ungerija introduċiet skema ta' awtorizzazzjoni minn qabel għall-esportazzjoni ta' żejt mhux maħdum u għall-prodotti tal-fjuwil u b'hekk tikser l-Artikolu 35 tat-TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Ungerija u lis-Slovakkja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-ittri u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lil Franza biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija bħall-bijometan
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tniedi proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza (INFR(2026)4002) għan-nuqqas ta' kompatibbiltà ta' skema nazzjonali ta' ċertifikazzjoni għall-produzzjoni tal-bijometan mal-moviment liberu tal-merkanzija fis-Suq Intern (l-Artikoli 34–36 tat-TFUE). Il-bijometan huwa gass rinnovabbli magħmul mill-iskart organiku li jista' jiġi injettat fin-networks tal-gass naturali. Skont l-iskema Franċiża, il-fornituri jeħtiġilhom jipproduċu l-bijometan huma stess jew inkella jixtru ċertifikati mingħand produtturi fi Franza kontinentali. Il-bijometan prodott fi Stati Membri oħra tal-UE, anke jekk ġie ċċertifikat bħala sostenibbli, mhuwiex rikonoxxut għat-traċċabbiltà f'din is-sistema. Filwaqt li l-Kummissjoni tappoġġa l-għanijiet ambjentali bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet, il-prijoritizzazzjoni tal-bijometan prodott lokalment fuq l-importazzjonijiet hija sproporzjonata meta jeżistu għażliet inqas restrittivi. Pereżempju, l-attribut tal-bijometan għall-post fejn jiġi kkunsmat minflok għall-post fejn jiġi prodott jappoġġa l-miri tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li jirrispetta r-regoli tas-suq intern. Il-Kummissjoni tippromwovi wkoll l-integrazzjoni tal-bijometan fis-suq tal-gass tal-UE permezz ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif deskritt fil-Pjan ta' Azzjoni REPowerEU. Franza qiegħda tikser ukoll id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku (id-Direttiva (UE) 2015/1535) peress li l-iskema u l-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali rispettivi ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni fl-istadju tal-abbozz, qabel ġew adottati. Franza issa għandha xahrejn biex tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lil Spanja biex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-ħlas tardiv
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja (INFR(2026)2049) talli naqset milli tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha dwar is-settur tal-bejgħ bl-imnut mal-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-677/22. Skont id-dritt Spanjol, it-termini tal-ħlas għall-oġġetti ta' konsum jistgħu jiġu estiżi b'mod sistematiku għal aktar minn 60 jum, u xi drabi anke għal aktar minn 120 jum li hi prattika li tidher inkonsistenti mad-deċiżjoni tal-Qorti. Il-ħlas f'waqtu huwa kruċjali biex in-negozji Ewropej jikbru u jinvestu fis-Suq Uniku. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Opinjoni motivata
Il-Kummissjoni titlob lill-Belġju jiżgura li n-negozji jitħallsu fil-ħin
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju (INFR(2025)2130) rigward id-dewmien sistemiku fil-ħlas min-naħa tal-muniċipalitajiet tar-Reġjun ta' Brussell Kapitali lill-fornituri tagħhom, kif ukoll rigward in-nuqqas tal-muniċipalitajiet Fjammingi u tar-Reġjun ta' Brussell Kapitali li jagħtu l-kumpens b'tariffa fissa ta' EUR 40 għall-fatturi li jkunu għadhom ma tħallsux. Il-Kummissjoni qiegħda tipprova ddaħħal aktar ekwità bejn il-partijiet waqt in-negozjar tat-termini tal-ħlas kif ukoll tiffaċilita l-aċċess għal-likwidità, f'konformità mal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Ħlas Tard. Il-ħlas tard iħalli impatt negattiv fuq in-negozji, speċjalment fuq l-SMEs, peress li jnaqqas il-likwidità, ixekkel it-tkabbir, u jdgħajjef ir-reżiljenza. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Belġju, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
3. Migrazzjoni u Affarijiet Interni
(Għal aktar informazzjoni: Markus Lammert – Tel.: +32 2 296 75 33; Fiorella Boigner – Tel.: +32 2 299 37 34)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Ġermanja, lil Franza u lill-Awstrija biex jittrasponu b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedimenti ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja (INFR(2026)2043), lil Franza (INFR(2026)2042) u lill-Awstrija (INFR(2026)2040) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva (UE) 2018/1673), inkluż id-definizzjonijiet u r-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi. Id-Direttiva tiddefinixxi r-reati kriminali u s-sanzjonijiet kontra l-persuni fiżiċi u ġuridiċi fir-rigward tal-ħasil tal-flus, bl-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-UE u tipprevjeni lill-kriminali milli jieħdu vantaġġ mis-sistemi legali aktar laxki. Fid-dawl tat-traspożizzjoni skorretta tad-Direttiva inkluż dwar id-definizzjonijiet u r-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija, lill-Ġermanja u lil Franza. Issa dawn l-Istati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-Ungerija biex tallinja l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-Pakkett tal-Faċilitaturi tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2026)2039) talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE li timponi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għar-reat tal-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati fl-UE (jiġifieri l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti) u skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill (2002/946/JHA) li tistabbilixxi r-regoli dwar il-pieni kriminali għal dawn ir-reati. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Ungeriża hija inkompatibbli mal-objettivi ewlenin tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà fl-Unjoni. Barra minn hekk, iddgħajjef il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni u l-kontroll fuq il-fruntieri u tirrappreżenta ksur serju tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali. Fil-31 ta' Lulju 2025, il-Kummissjoni ressqet lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b'rabta mad-Digriet tal-Gvern tal-2023 li rriżulta fil-ħelsien mill-ħabs tal-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta' bnedmin ikkundannati u t-trasferiment tagħhom lejn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi. Din il-proċedura għadha għaddejja. Id-Digriet tal-Gvern tal-2023 tħassar b'liġi tad-19 ta' Ġunju 2025. L-istess liġi introduċiet modifiki tal-kodiċi tal-proċedura kriminali li jippermettu s-sospensjoni kondizzjonali tal-proċedimenti kontra l-individwi suspettati li wettqu reati ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin. Is-sospensjoni tal-proċedimenti tapplika għan-nazzjonali mhux Ungeriżi li jistgħu jitkeċċew skont id-dritt Ungeriż, jammettu l-ħtija, jiżvelaw iċ-ċirkostanzi tar-reat u jitilqu mit-territorju tal-Ungerija fi żmien 72 siegħa. Id-dispożizzjonijiet rilevanti joħolqu riskju ta' impunità sistematika u jneħħu l-effett tad-dispożizzjonijiet ta' kriminalizzazzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Bin-nuqqas ta' prosekuzzjoni effettiva tal-persuni suspettati b'faċilitazzjoni ta' dħul klandestin tal-bnedmin, il-liġi tal-2025 tikkomprometti b'mod sistematiku mhux biss l-interess pubbliku fl-iżgurar ta' livell għoli ta' sigurtà fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, iżda wkoll politika effettiva dwar l-immigrazzjoni u l-kontroll fuq il-fruntieri. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija, li, b'mod eċċezzjonali, issa għandha xahar biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Bulgarija, lil Spanja, lil Franza, lil-Lussemburgu, lin-Netherlands, lill-Polonja u lill-Iżvezja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi(CER)
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Bulgarija (INFR(2024)0258), lil Spanja (INFR(2024)0271) lil Franza (INFR(2024)0275), lil-Lussemburgu (INFR(2024)0283), lin-Netherlands (INFR(2024)0289), lill-Polonja (INFR(2024)0291), u lill-Iżvezja (INFR(2024)0297) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jittrasponu u jinnotifikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (id-Direttiva (UE) 2022/2557 – id-Direttiva CER). L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva CER fl-ordni ġuridiku tagħhom sas-17 ta' Ottubru 2024. Id-Direttiva CER tiżgura l-forniment kontinwu tas-servizzi ta' importanza kbira għas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE f'setturi ewlenin bħall-enerġija, it-trasport, is-saħħa, l-ilma, il-banek u l-infrastruttura diġitali. L-Istati Membri huma meħtieġa jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju regolari biex jidentifikaw l-entitajiet kritiċi u jiżguraw li dawn l-entitajiet jimplimentaw il-miżuri xierqa biex jipproteġu l-forniment mingħajr xkiel tas-servizzi essenzjali. Id-Direttiva tieħu approċċ li jkopri l-perikli kollha, u tkopri r-riskji naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem bħall-attakki terroristiċi, it-theddid ċibernetiku, l-infiltrazzjoni kriminali u s-sabotaġġ. Sal-lum il-ġurnata, l-ebda Stat Membru kkonċernat ma ttraspona xi miżuri tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u qiegħda titlob lill-Qorti timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
4. Ġustizzja
(Għal aktar informazzjoni: Markus Lammert – Tel.: +32 2 296 75 33; Antoine Lomba- Tel.: +32 2 299 32 33)
(Għal aktar informazzjoni dwar l-Ugwaljanza: Eva Hrncirova - Tel.: +32 2 298 84 33; Anna Gray – Tel.: +32 2 298 08 73)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Polonja biex tittrasponi b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet b'rabta mas-servizzi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja (INFR(2026)2050) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett ir-regoli dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet previsti fid-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni (id-Direttiva (UE) 2019/2161). Din id-Direttiva emendat erba' Direttivi: id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (id-Direttiva 2011/83/UE), id-Direttiva dwar Termini Kuntrattwali Inġusti (id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE), u d-Direttiva dwar l-Indikazzjoni tal-Prezzijiet (id-Direttiva 98/6/KE). Għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi ta' livell għoli filwaqt li tarmonizza r-regoli nazzjonali għall-benefiċċju tas-suq intern. Il-Kummissjoni jidhrilha li d-dispożizzjonijiet nazzjonali Pollakki li jittrasponu l-emendi tad-Direttiva dwar l-Indikazzjoni tal-Prezzijiet jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha, peress li dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma japplikawx biss għall-beni mobbli, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar l-Indikazzjonijiet tal-Prezzijiet, iżda għas-servizzi wkoll. Għalhekk, il-Polonja ma tikkonformax mad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, li tkopri l-prattiki kummerċjali kollha, inkluż l-avviżi ta' tnaqqis fil-prezzijiet għas-servizzi, u twaqqaf lill-Istati Membri milli jadottaw regoli aktar stretti li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lill-Greċja u lill-Kroazja biex jittrasponu r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna legali b'mod korrett
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja (INFR(2026)2052) u lill-Kroazja (INFR(2026)2053) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna legali għall-persuni suspettati u akkużati (id-Direttiva (UE) 2016/1919). Id-dritt tal-UE jiżgura li d-drittijiet bażiċi tal-persuni suspettati u akkużati jkunu protetti, anke għall-persuni rikjesti taħt mandat ta' arrest Ewropew. Fl-ambitu tad-Direttiva, id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali jridu jittieħdu mingħajr dewmien żejjed minn awtorità kompetenti u indipendenti, bħal pereżempju qorti tal-ġustizzja. Madankollu, fil-Kroazja d-deċiżjonijiet qabel l-att tal-akkuża jittieħdu mill-prosekutur pubbliku, li ma jissodisfax ir-rekwiżit tal-indipendenza skont id-dritt tal-UE. Id-dritt Kroat lanqas ma jiggarantixxi b'mod ċar l-għajnuna legali f'ċerti ċirkostanzi meta persuna titressaq quddiem il-ġustizzja biex tittieħed deċiżjoni dwar l-arrest preventiv tagħha. F'ċerti sitwazzjonijiet, il-Greċja tipprovdi l-għajnuna legali biss fuq talba, u dan imur kontra d-Direttiva. Barra minn hekk, meta tevalwa l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali, is-sistema legali Griega ma tqisx il-kumplessità tal-każ jew is-severità tas-sanzjonijiet inkwistjoni, kif meħtieġ mid-dritt tal-UE. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali spiss jiddewmu u ma jipprovdux ċarezza dwar iż-żmien. F'każijiet urġenti, il-pulizija u l-prosekuturi jiġu involuti f'tali deċiżjonijiet. Dan ma jissodisfax ir-rekwiżit tal-indipendenza skont id-dritt tal-UE. Barra minn hekk, l-individwi mhux dejjem jiġu infurmati bil-miktub meta t-talba tagħhom għal għajnuna legali tiġi miċħuda u b'hekk l-istandards meħtieġa mid-Direttiva ma jiġux issodisfati. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja u lill-Kroazja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lill-Belġju, lill-Bulgarija, liċ-Ċekja, lil Ċipru, lil-Latvja, lill-Ungerija, lill-Awstrija, lill-Polonja u lill-Portugall biex jittrasponu bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Belġju (INFR(2025)0005), lill-Bulgarija (INFR(2025)0011), liċ-Ċekja (INFR(2025)0025), lil Ċipru (INFR(2025)0018), lil-Latvja (INFR(2025)0073), lill-Ungerija (INFR(2025)0057), lill-Awstrija (INFR(2025)0001), lill-Polonja (INFR(2025)0085) u lill-Portugal (INFR(2025)0092) talli naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2022/2381 dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji. Id-Direttiva tistabbilixxi mira għal kumpaniji kbar elenkati tal-UE ta' 40 % tas-sess sottorappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi tagħhom u 33 % fost id-diretturi kollha. Id-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni min-naħa tal-Istati Membri kienet it-28 ta' Diċembru 2024. F'Jannar 2025, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil diversi Stati Membri talli naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri rispettivi dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Sal-lum il-ġurnata, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja u l-Portugall għadhom ma kkomunikawx kull miżura ta' traspożizzjoni, minkejja li ngħataw biżżejjed żmien biex jadottaw u jinnotifikaw il-miżuri meħtieġa. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lid-disa' Stati Membri, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talbiet biex tiġi imposta sanzjoni finanzjarja.
Il-Kummissjoni tappella lil Spanja biex tipproteġi l-interess kollettiv tal-konsumaturi permezz ta' azzjonijiet rappreżentattivi tal-UE
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2023)0015) talli naqset milli tinkorpora bis-sħiħ fid-dritt nazzjonali d-Direttiva (UE) 2020/1828 dwar l-Azzjonijiet Rappreżentattivi). Id-Direttiva, adottata fl-2020, għandha l-għan li tiżgura li l-konsumaturi kollha fl-UE jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-UE. Din tagħti s-setgħa lill-entitajiet kwalifikati, bħall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur li jfittxu rimedju. Ir-rimedju jista' jinkludi miżuri bħal kumpens, bdil jew tiswija, għal grupp ta' konsumaturi li tkun saritilhom il-ħsara kawża ta' prattika kummerċjali illegali. L-Istati Membri kellhom sal-25 ta' Diċembru 2022 biex jinkorporaw id-Direttiva fid-dritt nazzjonali. F'Jannar 2023, il-Kummissjoni ħarġet ittra ta' intimazzjoni lil diversi Stati Membri, fosthom lil Spanja, talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri għal traspożizzjoni kompluta. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, Spanja nnotifikat biss traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva. Għalkemm id-dritt Spanjol diġà jipprevedi, sa ċertu punt, il-mekkaniżmu tal-azzjonijiet rappreżentattivi, dan ma fihx l-elementi essenzjali kollha tad-Direttiva, pereżempju, dwar il-possibbiltà li l-entitajiet kwalifikati jibdew azzjonijiet rappreżentattivi transfruntiera. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'talba biex jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq liċ-Ċekja u lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ttrasponew b'mod skorrett ir-regoli dwar il-mandat ta' arrest Ewropew
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq liċ-Ċekja (INFR(2020)2312) u lill-Ungerija (INFR(2021)2071) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-deċiżjoni kwadru dwar il-mandat ta' arrest Ewropew (2002/584/ĠAI). Il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittra ta' intimazzjoni liċ-Ċekja f'Diċembru 2020 u lill-Ungerija f'Ġunju 2021 talli ma kkomunikawx id-Deċiżjoni kwadru u talli ttrasponewha b'mod skorrett. Il-Kummissjoni ssostni li d-dritt Ċek ma jiżgurax li l-persuna rikjesta tiġi ttrasferita temporanjament lejn l-Istat Membru emittenti jew tinstema' fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, sakemm tingħata d-deċiżjoni dwar il-konsenja. Barra minn hekk, ma jiżgurax li t-tul ta' trasferiment temporanju jiġi ddeterminat bi ftehim reċiproku bejn l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni. Il-Kummissjoni ssostni li d-dritt Ungeriż jittrasponi b'mod skorrett id-dispożizzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal rifjut billi jobbliga lill-awtoritajiet ġudizzjarji jirrifjutaw it-talbiet għal mandat ta' arrest Ewropew għal ċerti reati li mhumiex kriminalizzati fl-Ungerija. Il-Kummissjoni jidhrilha li, sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed, għalhekk qiegħda tressaq liċ-Ċekja u lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
5. Enerġija u klima
(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Cristiana Marchitelli – Tel: +32 2 298 94 07; Ana Crespo Parrondo – Tel.: +32 2 298 13 25)
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Kroazja, lill-Polonja u lill-Portugall jittrasponu r-regoli tal-UE li jtejbu t-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Kroazja (INFR(2025)0143), lill-Polonja (INFR(2025)0162) u lill-Portugall (INFR(2025)0166) talli ma ttrasponewx fid-dritt nazzjonali r-regoli l-ġodda tal-UE dwar it-tfassil tas-suq tal-elettriku, stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2024/1711 u d-Direttivi emendatorji (UE) 2018/2001 u (UE) 2019/944. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jagħmlu l-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi aktar stabbli u inqas dipendenti fuq il-prezz tal-fjuwils fossili. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-konsumaturi Ewropej — kemm l-unitajiet domestiċi kif ukoll in-negozji — jiffaċċjaw kostijiet tal-enerġija li jirriflettu aħjar il-kostijiet orħos tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u li l-prezzijiet ikunu aktar prevedibbli. Ir-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tippermetti wkoll protezzjoni aħjar tal-konsumatur, kemm fejn tidħol l-għażla waqt il-mument tal-iffirmar tal-kuntratti kif ukoll f'każ ta' skonnessjoni. L-Istati Membri kellhom jinnotifikaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-2024 sas-17 ta' Jannar 2025, minbarra d-dispożizzjonijiet dwar l-għażla libera tal-fornitur u l-kondiviżjoni tal-enerġija, li għal dawn għandhom sas-17 ta' Lulju 2026. F'Marzu 2025, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil 26 Stat Membru talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Wara li eżaminat it-tweġibiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati lill-Kroazja, lill-Polonja u lill-Portugall talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni. Dawn it-tliet Stati Membri kkonċernati issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talbiet biex jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Ungerija biex tikkonforma mar-regoli dwar l-arbitraġġ intra-UE bejn l-investituri u l-Istat
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija (INFR(2025)2204) talli naqset milli tipprevjeni l-ksur tal-projbizzjoni fuq l-arbitraġġ intra-UE bejn l-investituri u l-Istat, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-741/19, (“is-sentenza Komstroy”), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikoli 267 u 344 tat-TFUE iwaqqfu ftehim internazzjonali, bħall-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, milli jippermetti lil investitur minn Stat Membru jressaq tilwima dwar l-investimenti fi Stat Membru ieħor, quddiem tribunal tal-arbitraġġ li dak l-Istat Membru jkun qabel li jaċċetta l-ġuriżdizzjoni tiegħu. Il-ksur soġġett għall-opinjoni motivata jirriżulta mill-azzjonijiet tal-kumpanija Ungeriża kkontrollata mill-Istat MOL, u tal-kumpaniji kkontrollati minnha, li jiksru l-projbizzjoni tal-arbitraġġ intra-UE bejn l-investituri u l-Istat. L-ewwel nett, MOL talbet lil qorti ta' pajjiż terz tirrikonoxxi u tinforza deċiżjoni arbitrali intra-UE bejn l-investituri u l-Istat maħruġa favur tagħha abbażi tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. It-tieni, kumpanija kkontrollata minn MOL bdiet proċedura ġdida ta' arbitraġġ intra-UE bejn l-investituri u l-Istat kontra Stat Membru ieħor tal-UE abbażi tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Il-Kummissjoni ssostni li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw b'mod retrospettiv u r-responsabbiltà ta' Stat Membru skont l-Artikolu 258 tat-TFUE tista' tiġi estiża għal: (I) atti ta' entitajiet tad-dritt privat taħt is-superviżjoni jew il-kontroll effettiv tiegħu, jew li jeżerċitaw funzjonijiet f'ismu (II) il-korpi li lilhom jassenja kompitu fl-interess pubbliku jew privileġġi speċifiċi; u (III) kwalunkwe entità li l-azzjoni tagħha tirrifletti jew timplimenta l-politika tal-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-Greċja, lil Malta u lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tiżgura t-traspożizzjoni tar-regoli msaħħa għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Greċja (INFR(2025)0214), lil Malta (INFR(2025)0233) u lill-Portugall (INFR(2025)0241) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2023/2413 emendatorja dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jħaffu ż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-introduzzjoni tal-enerġija nadifa prodotta lokalment fl-UE kollha sabiex jonqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, tissaħħaħ l-indipendenza enerġetika u jonqsu l-prezzijiet tal-enerġija. Id-direttiva għandha l-għan li tintroduċi l-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha tal-ekonomija, mhux biss fis-settur tal-enerġija, iżda wkoll, u speċjalment, f'dawk is-setturi fejn il-progress huwa aktar diffiċli, bħat-tisħin u t-tkessiħ, il-bini, it-trasport u l-industrija, fejn ġew stabbiliti miri ġodda jew imsaħħa. Dawn jintroduċu miżuri orizzontali u trażversali biex jippromwovu l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, bħat-tisħiħ tal-garanziji tal-oriġini, l-iffaċilitar tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija permezz tal-promozzjoni tal-elettrifikazzjoni u l-idroġenu rinnovabbli, u salvagwardji biex tiġi żgurata l-produzzjoni tal-bijoenerġija aktar sostenibbli. Il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli hija kruċjali għall-kompetittività tal-Ewropa u l-perkors għan-newtralità klimatika kif ukoll element ewlieni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Enerġija Affordabbli kif ukoll tal-pjan REPowerEU. Id-Direttiva ġiet adottata fl-2023. L-Istati Membri kellhom jinnotifikaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva sal-21 ta' Mejju 2025, apparti xi dispożizzjonijiet relatati mal-permessi, li kienu diġà meħtieġa sal-1 ta' Lulju 2024. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja, lil Malta u lill-Portugall f'Lulju 2025 u opinjoni motivata f'Diċembru 2025 talli ma ttrasponewx id-Direttiva. Il-Greċja u l-Portugall għadhom ma nnotifikaw l-ebda miżura ta' traspożizzjoni. Malta ma pprovdietx informazzjoni ċara u preċiża biżżejjed dwar kif id-Direttiva ġiet trasposta. Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tressaq lill-Greċja, lil Malta u lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
6. Tassazzjoni
(Għal aktar informazzjoni: Louise Bogey – Tel.: +32 2 296 97 76; Bridget Moylan – Tel.: +32 2 298 28 44)
Opinjoni motivata
Il-Kummissjoni tappella lil Spanja biex twaqqaf it-tassazzjoni diskriminatorja fuq il-kontribwenti mhux residenti li jaħdmu u li jgħixu abitwalment fi Spanja
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2025)4007) talli kisret il-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63 tat-TFUE) meta ntaxxat lill-kontribwenti mhux residenti fuq l-abitazzjonijiet tagħhom użati bħala residenza abitwali. B'mod ġenerali, Spanja tintaxxa l-introjtu preżunt mill-proprjetà immobbli ta' individwi fuq 2 % tal-valur katastali tagħha. Madankollu, il-proprjetajiet użati bħala abitazzjonijiet li jikkostitwixxu r-residenza abitwali tal-kontribwenti residenti fi Spanja huma eżentati mit-tassazzjoni. Din l-eżenzjoni mit-taxxa ma tkoprix lill-kontribwenti mhux residenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tneħħi r-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut tagħha
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija (INFR(2024)4022) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tallinja r-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut tagħha mal-libertà tal-istabbiliment iggarantita mill-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Minħabba d-disinn attwali tar-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut, il-kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut ikkontrollati minn barra li joperaw fl-Ungerija bħala kumpaniji integrati jew impriżi relatati, huma soġġetti għal rati tat-taxxa għoljin u progressivi ħafna fuq il-fatturat tagħhom. Madankollu, il-bejjiegħa bl-imnut domestiċi li joperaw fis-suq Ungeriż bil-marki u l-logos rispettivi tagħhom permezz ta' sistemi ta' franchising mhumiex soġġetti għall-ogħla rati minħabba li l-fatturat tagħhom mhuwiex konsolidat għall-finijiet ta' tassazzjoni. B'mod partikolari, ir-reġim tat-taxxa iwaqqaf lill-kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut ikkontrollati minn barra milli jirristrutturaw l-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom bħal dawk tal-kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut domestiċi. Għalhekk, ir-reġim tat-taxxa tal-bejgħ bl-imnut jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà tal-istabbiliment. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija f'Ottubru 2024, u wara bagħtet opinjoni motivata f'Ġunju 2025. La l-Ungerija qiegħda tiċħad il-ksur, il-Kummissjoni qiegħda tressaqha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
7. Mobbiltà u Trasport
(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Annie Juusola – Tel.: +32 2 296 09 86)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Belġju, lil Franza u lill-Portugall biex iwettqu l-valutazzjoni tas-sikurezza tan-network tat-toroq kollu kif meħtieġ mir-regoli tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju (INFR(2026)2047), lil Franza (INFR(2026)2048), u lill-Portugall (INFR(2026)2045) talli naqsu milli jwettqu l-valutazzjoni tas-sikurezza tan-network tat-toroq kollu u jirrapportaw ir-riżultati lill-Kummissjoni. Id-Direttiva dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq (id-Direttiva 2008/96/KE), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/1936, tapplika għat-toroq kollha li jappartjenu għan-network tat-toroq TEN-T. Tkopri wkoll l-awtostradi kollha, it-toroq primarji li jgħaqqdu l-bliet u r-reġjuni ewlenin kollha, kif ukoll it-toroq interurbani kollha ffinanzjati mill-UE. L-Istati Membri kellhom iwettqu l-valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-network kollu sal-2024 u jirrappurtaw lill-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2025 dwar il-klassifikazzjoni tas-sikurezza tan-network tat-toroq tagħhom. Franza u l-Portugall ma bagħtux ir-rapporti għan-networks tagħhom kif meħtieġ mid-Direttiva, filwaqt li l-Belġju bagħat biss parti mir-riżultati. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju, lil Franza u lill-Portugall, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati.
8. Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali
(Għal aktar informazzjoni: Siobhan McGarry- Tel.: + +32 229-64798; Saul Louis Goulding – Tel.: +32 229-64735)
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lil Spanja u lill-Polonja biex jittrasponu l-emendi tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u jlestu l-implimentazzjoni ta' miżuri oħra introdotti bir-Regolament dwar it-Trasferiment tal-Fondi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2025)2079) u lill-Polonja (INFR(2025)2081) talli naqsu milli jittrasponu l-emendi tar-Raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) (id-Direttiva (UE) 2015/849) introdotti bir-Regolament dwar it-Trasferiment tal-Fondi (ir-Regolament (UE) 2023/1113) u talli naqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli dwar il-penali amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur tar-Regolament. Ir-Regolament dwar it-Trasferiment tal-Fondi jistabbilixxi r-regoli rigward l-informazzjoni dwar il-pagaturi u l-prendituri li takkumpanja t-trasferimenti tal-fondi fi kwalunkwe munita, u dwar l-oriġinaturi u l-benefiċjarji li takkumpanja t-trasferimenti tal-kriptoassi, għall-fini tal-prevenzjoni, tad-detezzjoni u tal-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dan jissostitwixxi u jwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament preċedenti dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti tal-fondi (ir-Regolament (UE) 2015/847) u jemenda r-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus sabiex jintroduċi rekwiżiti ġodda dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti tal-kriptoassi. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar it-Trasferiment tal-Fondi jeżiġi li l-Istati Membri jadattaw l-oqfsa legali nazzjonali tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu diġà fil-verżjoni preċedenti tar-Regolament dwar it-Trasferiment tal-Fond (ir-Regolament (UE) 2015/847) iżda jeżiġu miżuri addizzjonali min-naħa tal-Istati Membri biex jiżguraw li japplikaw ukoll sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, b'mod partikolari għall-ksur relatat mal-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi. Iż-żewġ Stati Membri naqsu milli jinnotifikaw it-traspożizzjoni tal-emendi tar-raba' AMLD u għadhom ma lestewx l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-penali amministrattivi u miżuri oħra sal-iskadenza tat-30 ta' Diċembru 2024. Ir-Regolament dwar it-Trasferiment tal-Fondi huwa att leġiżlattiv Ewropew ewlieni mfassal biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu billi jiżgura t-traċċabbiltà tat-trasferimenti finanzjarji. In-nuqqas ta' implimentazzjoni tiegħu jġib miegħu riskji legali, finanzjarji u operazzjonali għall-istituzzjonijiet u l-individwi, speċjalment għall-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi li joperaw fl-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati liż-żewġ Stati Membri kkonċernati, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tappella lil Spanja, lin-Netherlands, lill-Portugall u lill-Iżvezja biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva Omnibus dwar il-Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) biex jiżguraw li l-investituri jkollhom aċċess għall-informazzjoni pubblika korporattiva
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2025)0269), lin-Netherlands (INFR(2025)0281), lill-Portugall (INFR(2025)0285) u lill-Iżvezja (INFR(2025)0288) talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva Omnibus dwar il-Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) (id-Direttiva (UE) 2023/2864) b'rabta mal-bidliet introdotti fid-Direttiva dwar it-Trasparenza (id-Direttiva 2004/109/KE) wara ittra ta' intimazzjoni li ntbagħtet f'Lulju 2025. Id-Direttiva Omnibus dwar l-ESAP hija parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar l-ESAP li jiffaċilita l-ħolqien ta' mekkaniżmu ċentralizzat li joffri informazzjoni pubblika faċilment aċċessibbli, komparabbli u utilizzabbli lill-investituri u lil partijiet ikkonċernati oħra. L-aċċess faċli u strutturat għall-informazzjoni tal-parteċipanti fis-suq se jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE, f'konformità mal-objettivi tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti. Dan se jiffaċilita l-finanzjament tal-kumpaniji tal-UE, u b'hekk jixpruna t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE. Il-pakkett leġiżlattiv jipprevedi tliet fażijiet ta' żvilupp tal-ESAP. L-ewwel fażi se tibda f'Lulju 2026, meta d-divulgazzjonijiet meħtieġa skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza, ir-Regolament dwar il-Prospett u r-Regolament dwar il-Bejgħ bin-Nieqes jiġu sottomessi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex ikunu jistgħu jsiru disponibbli fuq l-ESAP. Għal dak l-ewwel pass, l-Istati Membri kellhom jittrasponu l-bidliet introdotti fid-Direttiva dwar it-Trasparenza sal-10 ta' Lulju 2025, kif indikat fl-ittra ta' intimazzjoni li ntbagħtet f'Lulju 2025. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati lill-erba' Stati Membri l-oħra li ma ttrasponewx il-bidliet, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talbiet biex jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji.
9. Ekonomija diġitali
(Għal aktar informazzjoni: Thomas Regnier - Tel.: +32 2 299 10 99, Patricia Poropat – Tel.: + 32 2 298 04 85)
Ittra ta' intimazzjoni addizzjonali
Il-Kummissjoni titlob lill-Kroazja tikkonforma mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u tagħti s-setgħa lill-awtorità nazzjonali biex tinfurzah
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Kroazja (INFR(2024)2166) talli ma kkonformatx mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Il-Kummissjoni diġà qajmet it-tħassib tagħha f'ittra ta' intimazzjoni li bagħtet lill-Kroazja f'Lulju 2024. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Kroazja tonqos milli tikkonforma mar-Regolament (UE) 2022/2065. Skont id-DSA, l-Istati Membri jeħtiġilhom jaħtru koordinaturi tas-servizzi diġitali, jiġifieri awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tar-Regolament fil-ġuriżdizzjoni tagħhom. Koordinatur tas-servizzi diġitali operazzjonali hu meħtieġ biex jagħti effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tad-DSA fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom u b'hekk l-utenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-regoli tiegħu kif ukoll tinħoloq ċertezza legali għall-atturi tas-suq. Wara l-ewwel ittra ta' intimazzjoni, il-Kroazja adottat leġiżlazzjoni li timplimenta d-DSA fit-18 ta' April 2025. Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li l-Kroazja għadha qiegħda tonqos milli tagħti s-setgħa lill-koordinatur tas-servizzi diġitali tagħha u implimentat b'mod ħażin is-setgħat ta' sanzjoni previsti mid-DSA. B'mod partikolari, id-dritt Kroat mhux dejjem jirrispetta l-limiti massimi ta' 6 % għall-multi u 5 % tal-fatturat jew tal-introjtu dinji medju ta' kuljum għall-ħlas perjodiku ta' penali għall-pjattaformi online, u lanqas ma jiżgura li l-penali kollha jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Barra minn hekk, ma jippermettix l-impożizzjoni ta' multi fuq individwi talli jipprovdu informazzjoni skorretta jew mhux kompluta jew talli jonqsu milli jikkooperaw mal-ispezzjonijiet, kif meħtieġ mir-Regolament. Il-Kroazja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
10. Impjiegi u drittijiet soċjali
(Għal aktar informazzjoni: Eva Hrncirova - Tel.: +32 2 298 84 33; Eirini Zarkadoula - Tel.: +32 2 295 70 65)
Ittra ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Portugall biex ineħħi l-kundizzjonijiet tal-impjieg diskriminatorji fis-settur pubbliku
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall (INFR(2026)4001) talli naqas milli jagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu totalment konformi mad-Direttiva dwar ix-xogħol għal żmien fiss (id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE), li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema għal żmien fiss. Id-dritt Portugiż jeskludi lill-impjegati għal żmien fiss fis-settur pubbliku milli jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fl-iskala tas-salarji, għall-kuntrarju tal-ħaddiema permanenti li jwettqu l-istess xogħol u li jsirulhom l-istess evalwazzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, dan jirrappreżenta diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil Spanja biex tneħħi l-kundizzjonijiet tal-impjieg diskriminatorji fis-settur pubbliku
llum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2014)4224) talli naqset milli tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha totalment konformi mad-Direttiva dwar ix-xogħol għal żmien fiss (id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE), li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema għal żmien fiss. Id-dritt Spanjol fih kundizzjonijiet ta' impjieg inqas favorevoli għall-impjegati għal żmien fiss li jaħdmu fis-settur pubbliku Spanjol meta mqabbla mal-impjegati permanenti. Skont il-Kummissjoni, dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-UE, u għalhekk fetħet dan il-proċediment ta' ksur fl-2014. Filwaqt li Spanja solviet u ċċarat xi wħud mill-kwistjonijiet li jinsabu fl-aħħar ittra ta' intimazzjoni li bagħtet il-Kummissjoni f'Lulju 2024, f'każijiet oħra l-ispjegazzjonijiet ipprovduti għadhom mhumiex sodisfaċenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ li Spanja biex tipprevjeni l-użu abbużiv tar-relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien fiss u tevita l-kundizzjonijiet diskriminatorji tal-impjieg fis-settur pubbliku
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2014)4334) talli naqset milli tipproteġi biżżejjed lill-ħaddiema tas-settur pubbliku mill-użu abbużiv ta' kuntratti għal terminu fiss suċċessivi. Dan imur kontra r-regoli tal-UE (id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE), li jeżiġu li l-Istati Membri jintroduċu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-miżuri li jipprevjenu u, jekk meħtieġ, jippenalizzaw l-abbuż permezz ta' kuntratti ta' impjieg għal terminu fiss suċċessivi. Id-dritt Spanjol ma jinkludix tali miżuri għal ċerti tipi ta' relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien fiss fis-settur pubbliku. Għalkemm Spanja biddlet ir-regoli nazzjonali tagħha wara l-ftuħ tal-proċedura ta' ksur fl-2015 u l-aktar ittra ta' intimazzjoni riċenti li bagħtet il-Kummissjoni f'Ottubru 2024, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti għadhom mhux sodisfaċenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Opinjoni motivata addizzjonali
Il-Kummissjoni titlob lill-Belġju jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-kwalifiki professjonali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali lill-Belġju (INFR(2018)2162) talli ma inkorporax kif suppost id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (2005/36/KE) fid-dritt nazzjonali. Id-Direttiva tiffaċilita l-mobbiltà professjonali u r-rikonoxximent tal-kwalifiki bejn il-fruntieri. Dawn ir-regoli tal-UE jaqdu rwol essenzjali fl-indirizzar tan-nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati fl-UE. Skont il-Kummissjoni, il-Belġju jimponi rekwiżiti lingwistiċi eċċessivi fuq il-professjonisti tat-tagħlim li jfittxu li jaħdmu fil-Komunità Franċiża, u dan jillimita serjament il-possibbiltà li l-għalliema barranin jaħdmu fil-Belġju. Issa l-Belġju għandu xahrejn biex iwieġeb għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
11. Kompetizzjoni
(Għal aktar informazzjoni: Ricardo Cardoso – Tel.: +32 2 298 01 00; Luuk de Klein – Tel.: +32 2 299 47 74)
Opinjoni motivata
Il-Kummissjoni tappella lill-Belġju biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-UE fir-rigward tar-rikonoxximent ta' deċiżjonijiet arbitrali bejn l-Istat u l-investituri
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju (INFR(2025)2199) talli naqas milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-UE fir-rigward tar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet arbitrali intra-UE u ekstra-UE bejn l-Istat u l-investituri. Id-deċiżjonijiet arbitrali inkwistjoni jobbligaw lil Spanja tagħti kumpens lill-investituri talli ġiet modifikata l-iskema tal-enerġija rinnovabbli tagħha. Spanja nnotifikat id-deċiżjonijiet arbitrali inkwistjoni lill-Kummissjoni għar-rieżami meħtieġ skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Belġju rrikonoxxa d-deċiżjonijiet arbitrali bl-għan li jiġu infurzati fil-Belġju, qabel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni. B'dan il-mod, il-Belġju ħoloq ir-riskju imminenti li Spanja tiġi sfurzata tagħti l-kumpens bi ksur tal-obbligu ta' sospensjoni tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.40348 dwar l-iskema tal-enerġija rinnovabbli. It-talbiet għar-rikonoxximent jikkostitwixxu tentattiv biex jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Belġju kellu jopponi skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, moqri mal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, id-Deċiżjoni SA.40348 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-arbitraġġ fil-qasam tal-investiment. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju f'Diċembru 2025. Fit-tweġiba tiegħu għall-ittra ta' intimazzjoni, il-Belġju pprovda diversi spjegazzjonijiet, iżda dawn mhumiex biżżejjed biex il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tinbidel. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 29 April 2026
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta