
Illum, il-Kummissjoni ppubblikat is-sitt Rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt, li jeżamina l-iżviluppi fl-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha. Dan huwa l-ewwel rapport taħt il-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni. Huwa jikkonsolida l-involviment b'suċċess mal-Istati Membri abbażi ta' approċċ preventiv u bbażat fuq id-djalogu biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u huwa inċentiv importanti għar-riforma.
Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt u ċ-ċiklu annwali tal-istat tad-dritt jikkontribwixxu għar-reżiljenza tad-demokrazija, is-sigurtà u l-ekonomija tal-Ewropa f'ambjent globali fejn ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi demokratiċi qed ikunu dejjem aktar taħt pressjoni. Għalhekk huwa essenzjali li l-UE tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha għall-istat tad-dritt u li tieħu passi konkreti biex tippromwovih u tiddefendih, fil-kontinent tagħna u madwar id-dinja. Kif għamel fl-2024, ir-Rapport ma jkoprix biss 27 Stat Membru iżda jinkludi wkoll erba' kapitoli tal-pajjiżi ddedikati għall-iżviluppi fl-Albanija, fil-Montenegro, fil-Maċedonja ta' Fuq u fis-Serbja.
Ir-Rapport ta' din is-sena jikkonferma li hemm trajettorja pożittiva f'ħafna Stati Membri, peress li twettqu riformi importanti fl-erba' oqsma ewlenin koperti mir-rapport – il-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-libertà tal-media u l-kontrolli u l-bilanċi istituzzjonali. Filwaqt li għad fadal sfidi f'xi Stati Membri, u fi ftit każijiet is-sitwazzjoni hija serja, l-involviment ġenerali fil-proċess għadu b'saħħtu, u l-Istati Membri indirizzaw għadd sostanzjali tar-rakkomandazzjonijiet tal-2024, kompletament jew parzjalment.
Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa essenzjali wkoll għat-twettiq ta' politiki li jippromwovu l-kompetittività permezz tas-Suq Uniku u jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jipparteċipaw b'mod attiv kemm fis-soċjetà kif ukoll fl-ekonomija. L-istat tad-dritt huwa kunsiderazzjoni importanti għall-kumpaniji li joperaw bejn il-fruntieri. In-negozji, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, jeħtieġu ambjent ekonomiku stabbli u prevedibbli. Kif stabbilit fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen,ir-rapport ta' din is-sena jagħmel enfasi partikolari fuq kwistjonijiet li għandhom rabta diretta mal-funzjonament xieraq tas-Suq Uniku, bħat-tfassil sod tal-liġijiet, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-istabbiltà tal-ambjent regolatorju.
Ir-Rapport iħares 'il quddiem lejn Unjoni Ewropea li qed tevolvi. Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' strumenti ta' nfiq tal-UE, li għandha tiġi ppreżentata bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, se tiżgura li l-konformità mal-prinċipju tal-istat tad-dritt tibqa' indispensabbli għall-fondi tal-UE. L-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-investiment u r-riformi għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt jista' joffri valur miżjud reali. Dan jista' jikkontribwixxi għal sforz usa' biex tiġi segwita l-implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fir-Rapport.
Sejbiet ewlenin din is-sena:
Sistemi ġudizzjarji
Ħafna Stati Membri avvanzaw fir-riformi tal-ġustizzja matul l-aħħar sena. Il-miżuri jinkludu t-tisħiħ tal-indipendenza tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, salvagwardji addizzjonali għall-ħatriet tal-imħallfin u l-awtonomija tal-prosekuturi, kif ukoll għall-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji. Madankollu, ir-riformi qed jimxu 'l quddiem b'pass aktar bil-mod f'xi Stati Membri, u għad hemm tħassib serju f'ċerti każijiet. Għalkemm qed isiru sforzi b'mod ġenerali, hemm pressjoni fuq ir-riżorsi għas-sistemi ġudizzjarji f'ħafna Stati Membri, li għandha impatt fuq il-kwalità u l-effiċjenza tal-ġustizzja. Fil-pajjiżi tat-tkabbir, komplew l-isforzi biex jiġu implimentati r-riformi ġudizzjarji, biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà, u biex tittejjeb l-effiċjenza, iżda jeħtieġ li jiġu indirizzati l-influwenza indebita u t-tentattivi biex tiġi mminata l-indipendenza tal-imħallfin.
Oqfsa kontra l-korruzzjoni
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tibqa' essenzjali għaż-żamma tal-istat tad-dritt u l-preservazzjoni tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi. Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej iqisu l-korruzzjoni bħala inaċċettabbli, skont ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2025dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini u tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE. Ir-Rapport juri li diversi Stati Membri żviluppaw strateġiji ġodda kontra l-korruzzjoni u saħħew il-kapaċità istituzzjonali tagħhom, inkluż billi żiedu r-riżorsi għall-infurzar tal-liġi, is-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-ġudikatura. Fl-istess ħin, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jissaħħu l-oqfsa preventivi, bħal dawk relatati mal-lobbying u l-kunflitti ta' interess, kif ukoll biex jiġu żgurati l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sentenzi finali effettivi ta' każijiet ta' korruzzjoni. Fil-pajjiżi tat-tkabbir, l-oqfsa legali u istituzzjonali ssaħħew, u wrew reżiljenza għal pressjoni żejda f'xi każijiet, filwaqt li l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni - inklużi każijiet ta' livell għoli - jeħtieġ li jittejbu aktar.
Il-libertà u l-pluraliżmu tal-media
Il-libertà u l-pluraliżmu tal-media huma elementi ċentrali ta' soċjetà bbażata fuq l-istat tad-dritt u biex tiġi żgurata r-responsabbiltà demokratika. Bħalissa għaddejjin riformi fl-Istati Membri biex il-liġijiet nazzjonali jiġu allinjati mar-regoli l-ġodda skont l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (EMFA). Ħafna Stati Membri qed iwettqu riformi biex isaħħu l-funzjonament indipendenti u l-finanzjament tal-media tas-servizz pubbliku u biex itejbu l-ġustizzja u t-trasparenza tal-allokazzjoni tar-reklamar mill-Istat. Barra minn hekk, diversi regolaturi nazzjonali tal-media qed jespandu l-kompetenzi tagħhom biex jikkonformaw ukoll mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Qed tingħata aktar attenzjoni lis-sikurezza u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, fost theddid kontinwu, bl-Istati Membri jistabbilixxu jew ikomplu joperaw strutturi ta' appoġġ jew isaħħu l-protezzjoni legali tal-ġurnalisti. Fl-istess ħin, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti kif ukoll biex jittejbu s-salvagwardji għall-indipendenza ta' xi regolaturi tal-media u tal-media tas-servizz pubbliku, tiżdied it-trasparenza tas-sjieda u jiġu żgurati ġustizzja u trasparenza aħjar fl-allokazzjoni tar-reklamar mill-Istat. Fil-pajjiżi tat-tkabbir, hemm ukoll tħassib fir-rigward tal-politiċizzazzjoni tar-regolaturi tal-media u s-sostenibbiltà finanzjarja tax-xandara pubbliċi, kif ukoll dwar il-ħatra tat-tmexxija tax-xandara.
Kontrolli u bilanċi istituzzjonali
Għaddejjin riformi f'għadd ta' Stati Membri biex jissaħħu l-kontrolli u l-bilanċi, inkluż billi jiġu inklużi aħjar il-partijiet ikkonċernati fil-proċess leġiżlattiv u tittejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, liġijiet instabbli u li jinbidlu malajr - xi drabi abbozzati mingħajr il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati - joħolqu inċertezza legali kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini. Filwaqt li r-rapport isib li l-maġġoranza tal-Istati Membri jkomplu jiżguraw qafas abilitanti u ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili, għad hemm ostakli f'għadd ta' Stati Membri relatati mar-rekwiżiti ta' finanzjament jew reġistrazzjoni. Madankollu, f'xi Stati Membri l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw sfidi serji, peress li huma soġġetti għal restrizzjonijiet jew kontrolli finanzjarji eċċessivi jew protezzjoni inadegwata. Fil-pajjiżi tat-tkabbir, l-isfidi għall-proċessi leġiżlattivi u l-konsultazzjonijiet pubbliċi ineffettivi jillimitaw il-governanza inklużiva. Għad fadal ukoll sfidi rigward is-segwitu sistematiku għar-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Ombudsperson u korpi indipendenti oħra.
Id-dimensjoni tas-Suq Uniku
Fl-erba' pilastri, ir-Rapport jenfasizza l-impatt fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku u l-ambjent operattiv għan-negozji. Sistema ġudizzjarja effettiva, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-governanza tajba, iċ-ċertezza legali u t-tfassil sod tal-liġijiet kollha għandhom impatt ekonomiku sinifikanti, li jsawwar l-ambjent tan-negozju u jiggwida d-deċiżjonijiet ta' investiment. Fl-erba' pilastri, ir-rapport jenfasizza kif il-kwistjonijiet identifikati għandhom impatt fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku u l-ambjent operattiv għan-negozji. Il-kapitoli tal-pajjiżi jirrapportaw pereżempju, dwar l-ispeċjalizzazzjoni tal-qrati u l-imħallfin biex jittrattaw kawżi kummerċjali; il-mekkaniżmi għall-infurzar tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji; miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku; finanzjament trasparenti għall-midja; u l-ambjent regolatorju stabbli meħtieġ biex in-negozju jopera f'kundizzjonijiet prevedibbli
Il-passi li jmiss
Il-Kummissjoni issa tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex ikomplu d-dibattiti ġenerali u speċifiċi għall-pajjiż abbażi ta' dan ir-rapport, bl-użu wkoll tar-rakkomandazzjonijiet biex jiġi eżaminat aktar kif jista' jsir progress konkret. Il-Kummissjoni tappella wkoll lill-parlamenti nazzjonali, lis-soċjetà ċivili u lil partijiet ikkonċernati oħra biex ikomplu d-djalogu nazzjonali dwar l-istat tad-dritt, kif ukoll fil-livell Ewropew, b'involviment akbar taċ-ċittadini.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi identifikati fir-Rapport. Hija tinsab lesta li tassistihom fl-isforzi tagħhom biex ikomplu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Għall-pajjiżi tat-tkabbir, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-kwistjonijiet identifikati, inkluż fir-rapporti annwali tagħha li jmiss dwar it-tkabbir. Pajjiżi tat-tkabbir addizzjonali jistgħu jiġu inklużi fir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt kif u meta jkunu lesti.
Kif impenjat ruħha l-President von der Leyen fil-Linji Gwida Politiċi 2024 – 2029 tagħha, il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-monitoraġġ u r-rapportar tagħha, u ssaħħaħ il-kontrolli u l-bilanċi, b'mod partikolari billi ssegwi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
Sfond
Ir-Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt huwa r-riżultat ta' djalogu mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati. Ir-Rapport ikopri l-Istati Membri kollha u erba' pajjiżi tat-tkabbir fuq il-bażi tal-istess metodoloġija oġġettiva u trasparenti, filwaqt li jeżamina l-istess sett ta' kwistjonijiet f'kull pajjiż.
Ir-Rapport tal-2025 jinkludi Komunikazzjoni li teżamina s-sitwazzjoni fl-UE kollha kemm hi u 27 kapitolu tal-pajjiżi li jħarsu lejn żviluppi sinifikanti f'kull Stat Membru. Tinkludi wkoll erba' kapitoli tal-pajjiżi li jħarsu lejn l-iżviluppi fil-pajjiżi tat-tkabbir magħżula. Ir-Rapport jinkludi wkoll valutazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-sena l-oħra lill-Istati Membri, u, fuq dik il-bażi, għal darb'oħra jipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri kollha.
Ir-Rapport jinsab fiċ-ċentru taċ-Ċiklu annwali tal-Istat tad-Dritt. Dan iċ-ċiklu annwali huwa preventiv: iservi biex jippromwovi l-istat tad-dritt u għandu l-għan li jipprevjeni l-emerġenza jew l-approfondiment tal-problemi. Huwa separat mill-elementi l-oħra fis-Sett ta' Għodod tal-UE dwar l-Istat tad-Dritt u jikkomplementa, iżda ma jissostitwixxix il-mekkaniżmi bbażati fuq it-Trattat li jippermettu lill-UE tirrispondi għal kwistjonijiet aktar serji relatati mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Dawn l-għodod jinkludu proċedimenti ta' ksur u l-proċedura għall-protezzjoni tal-valuri fundaturi tal-Unjoni skont l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Mill-2020, diversi inizjattivi ġodda tal-UE qajmu standards komuni f'oqsma b'rilevanza diretta għall-istat tad-dritt, abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ fil-kuntest ta' dan ir-rapport. Dan jinkludi l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, li jfittex li jindirizza għadd ta' lakuni sistemiċi identifikati fix-xenarju regolatorju tal-media, u l-Pakkett Kontra l-Korruzzjoni, li jinkludi proposti għal leġiżlazzjoni ġdida biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-UE u biex jissaħħaħ ir-reġim ta' sanzjonar tal-UE għall-korruzzjoni fid-dimensjoni esterna tal-UE.
L-inklużjoni tal-pajjiżi tat-tkabbir fir-Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt tappoġġa l-isforzi ta' riforma ta' dawn il-pajjiżi biex jinkiseb progress irriversibbli dwar id-demokrazija u l-istat tad-dritt qabel l-adeżjoni, u biex jiġu ggarantiti standards għoljin dejjiema wara l-adeżjoni. L-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja jipparteċipaw fl-eżerċizzju tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt, li jirrifletti l-progress li sar fil-proċessi ta' adeżjoni rispettivi tagħhom. Kif ħabbret il-President von der Leyen fil-Linji Gwida Politiċi 2024 – 2029 tagħha, pajjiżi oħra tal-adeżjoni se jiġu inklużi fir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt kif u meta jkunu lesti.
Aktar informazzjoni
Rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt
Ir-Rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt – is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea
Rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt – Rakkomandazzjonijiet
Rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt – Kapitoli tal-Pajjiżi
Rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt - Sfond istituzzjonali speċifiku għall-pajjiż
Rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt – Metodoloġija
Iċ-Ċiklu Annwali tal-Istat tad-Dritt – Skeda informattiva
Is-Sett ta' Għodod tal-UE dwar l-Istat tad-Dritt – Skeda informattiva
Ir-Rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt – Mistoqsijiet u Kampanja; Tweġibiet
Ewrobarometru Speċjali 561: L-attitudnijiet taċ-ċittadini lejn il-korruzzjoni fl-UE fl-2025
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 8 Lulju 2025
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta