
X'taħbat?
Skola tas-sajf fuq erbat ijiem li tintroduċi liż-żgħażagħ għal tipi differenti ta’ traduzzjoni, bis-saħħa ta’ taħditiet minn tradutturi esperjenzati, eżerċizzji u xogħol individwali.
Għal min hi?
Hija għaż-żgħażagħ (li twieldu bejn l-2006 u l-2009) li:
- Huma interessati fil-lingwi (anke jekk ma jistudjawhomx b’mod formali), u li jħaddmu tajjeb il-Malti u l-Ingliż
- Jixtiequ jiskopru kif taħdem it-traduzzjoni, u jaraw jitħajrux ikomplu f’din il-linja
- Jixtiequ jiksbu ħiliet ġodda li se jgħinuhom aktar ’il quddiem, inkluż l-università u fuq ix-xogħol
Meta, fejn, x’ħin?
- Meta: 14-17 ta’ Lulju 2025
- Fejn: Dar l-Ewropa, 254, Triq San Pawl, il-Belt Valletta
- Fi x’ħin? 10:00-15:00 (b’waqfa)
Għala jisimha TraTra?
TraTra hija magħmula mill-ewwel tliet ittri tal-kliem Malti u Ingliż għal “traduzzjoni”, minħabba li dawn se jkunu ż-żewġ lingwi li se nkunu qegħdin nużaw f’din l-iskola tas-sajf.
Kif taħdem?
L-ewwel xogħol, trid tapplika hawn: https://tinyurl.com/tratra26
Imbagħad, bejn l-14 u s-17 ta’ Lulju, se nkunu qed niltaqgħu f’Dar l-Ewropa fl-10:00.
Se nibdew il-ġurnata bi preżentazzjoni minn traduttur professjonist dwar dawn it-tipi ta’ traduzzjoni differenti:
- Traduzzjoni ġenerali (bħal dawk li jsiru għall-UE)
- Proża
- Poeżija
- Traduzzjoni awdjoviżiva
Se nagħmlu wkoll xi eżerċizzji ffukati fuq it-tekniki u l-ħiliet marbutin mat-traduzzjoni.
Imbagħad, se jkollok ċans tittraduċi test għal rasek, bl-għajnuna tat-tuturi, li se jkunu lesti biex jiddiskutu l-ideat tiegħek miegħek u jagħtuk pariri jew suġġerimenti.
Dan kollu jsir f’kuntest informali, li fih kulħadd merħba bih jiddiskuti u jistaqsi, dejjem bir-rispett. Il-lingwa tal-kors se tkun il-Malti, u din se tkun il-lingwa li nittraduċu lejha.
Għala t-traduzzjoni?
Id-dinja interkonnessa li ngħixu fiha llum il-ġurnata ma tkunx possibbli mingħajr it-traduzzjoni, u niddependu fuqha għall-informazzjoni, għall-kummerċ globali, għall-ivvjaġġar, id-divertiment, u ħafna aktar. F’soċjetà multilingwi bħal dik Maltija, it-traduzzjoni hija parti mill-ħajja ta’ kuljum, u hija ħila ta’ siwi f’bosta sitwazzjonijiet, inkluż fix-xogħol u fl-istudji.
It-traduzzjoni tħeġġiġna—jew saħansitra tisfurzana—insiru qarrejja u kittieba aħjar, li naħsbu b’mod kritiku u analitiku dwar dak li naqraw, li nfittxu fejn ma nifhmux, u li nifhmu x’inhuma l-affarijiet li ma nafux. Dawn huma ħiliet li niġu bżonnhom lil hinn mit-traduzzjoni.
Min qed jorganizzaha?
TraTra hija organizzata mill-uffiċċju tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DGT) tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta. Id-DGT huwa l-akbar servizz tat-traduzzjoni tax-xorta tiegħu fid-dinja, u jittraduċi 2.5 miljun paġna fis-sena minn u lejn l-24 lingwa uffiċjali tal-UE (u xi ftit aktar).
TraTra hija waħda mill-attivitajiet marbutin mal-Jum Ewropew tal-Lingwi li jsiru madwar l-Ewropa, li jiċċelebraw il-patrimonju lingwistiku għani tal-Ewropa.
Jieħu ħsiebha David Schembri, li tista’ tibgħatlu fuq:
DGT-VALLETTA
ec [dot] europa [dot] eu (DGT-VALLETTA[at]ec[dot]europa[dot]eu).
Kemm tqum?
TraTra hija bla ħlas. Madankollu, ikollok bżonn tapplika sat-30 ta’ Ġunju.
Fejn se ssir?
Dar l-Ewropa tilqa’ fiha l-uffiċċji tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew f’Malta.
Qiegħda ftit minuti bogħod mit-terminal tal-Gozo Fast Ferry u mill-venda tal-linja, u ġewwa hemm l-arja kundizzjonata.
- ħiliet tal-lingwa
- It-Tlieta 14 ta' Lulju 2026, 10.00 - Il-Ġimgħa 17 ta' Lulju 2026, 15.00 (CEST)
- Il-Belt Valletta, Malta
Informazzjoni prattika
- Meta
- It-Tlieta 14 ta' Lulju 2026, 10.00 - Il-Ġimgħa 17 ta' Lulju 2026, 15.00 (CEST)
- Fejn
- Europe House254, Triq San Pawl, Il-Belt Valletta, Malta
- Lingwi
- Malti, Ingliż