- Il-Kummissjoni Ewropea
- Il-Ħadd 24 ta' Settembru 2023, 14.00 - 22.00 (CEST)
- Valletta, Malta
Informazzjoni prattika
- Meta
- Il-Ħadd 24 ta' Settembru 2023, 14.00 - 22.00 (CEST)
- Fejn
- University of Malta - Valletta CampusSt. Paul's Street, Valletta, Malta
- Lingwi
- Ingliż, Malti
- Social media links
Deskrizzjoni
Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u l-Università ta’ Malta, għandhom il-pjaċir li jvaraw l-ewwel edizzjoni ta’ Festalingwi, festival ta’ ġurnata li se jsir il-Ħadd 24 ta’ Settembru biex jiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi. L-attività se ssir fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta u d-dħul huwa mingħajr ħlas.
Festalingwi għandha tkun esperjenza diversa u eċitanti b’aktar minn 20 attività, komplementati minn għadd ta’ stands informattivi. Il-Festival se jkun ċelebrazzjoni tad-diversità lingwistika u l-iskambju kulturali għan-nies ta’ kull età u minn kull sfond.
Għall-udjenzi żgħar, Festalingwi toffri programm għani bi spettaklu teatrali dwar L-Istorja ta’ Malta u l-Malti minn More or Less Theatre, il-finali tal-kompetizzjoni Żanżan Kelma, kif ukoll lezzjonijiet introduttorji għall-Franċiż maħsubin apposta għat-tfal.
Il-festival jagħmel enfasi wkoll fuq l-importanza tal-edukazzjoni lingwistika permezz ta’ introduzzjonijiet għal-Lingwa tas-Sinjali Maltija u l-Malti għall-barranin. Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll daħla għall-ilsien Bask, wieħed mill-ilsna reġjonali ta’ Spanja.
Festalingwi se tindirizza wkoll suġġetti pertinenti, inklużiv l-attitudnijiet lokali lejn il-Malti u l-Ingliż, kif ukoll post il-Malti f’soċjetà li kulma jmur qed issir aktar multikulturali. L-għaqda Inizjamed se tmexxi workshop letterarju, filwaqt li se jkollna l-opportunità li nittestjaw l-għarfien letterarju tagħna fl-istand tad-DESA.
Ma jistax jonqos li ċelebrazzjoni tal-lingwa ma jkollhiex il-mużika. Il-festival se jagħlaq il-programm mużikali Ħoss il-Malti, bil-grupp rinomat Djun bħala l-protagonist. Il-programm se jinfetaħ minn Mariele Żammit u Christian Borg, li se jippreżentaw programm ta’ kanzunetti Maltin u għana tradizzjonali b’laqta jazz.
Għal bosta snin, il-Jum Ewropew tal-Lingwi serva biex niċċelebraw il-wirt lingwistiku u kulturali għani u divers tal-Ewropa, u jħeġġeġ lin-nies jesploraw il-lingwi barranin flimkien ma’ tagħhom. Din is-sena se tkun l-ewwel darba li se ssir kollaborazzjoni bejn ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u l-Università ta’ Malta biex jiġu organizzati l-attivitajiet tal-Jum.
David Schembri, l-Uffiċjal tal-Lingwa fir-Rappreżentanza tal-KE, qal: “Il-lingwi qegħdin fil-qalba ta’ ħajjitna, u billi nimirħu fihom, nitgħallmu dwarna nfusna bħala individwi kif ukoll bħala soċjetà. Nittamaw li Festalingwi se trawwem imħabba u apprezzament għal-lingwi, kemm tagħna kif ukoll dawk barranin.”
Pierre Cassar, id-Direttur tal-Marketing, il-Komunikazzjoni u l-Alunni fl-Universita ta’ Malta, esprima l-entużjażmu tiegħu u qal, “L-Università ta’ Malta hija istituzzjoni fuq quddiem fl-istudju tal-lingwa f’Malta, u tassew kuntenti li għandna dan l-ispazju l-ġdid li fih nistgħu nuru r-riċerka u t-tagħlim lingwistiku tagħna lil pubbliku lil hinn mill-klassi”.
Dwar Festalingwi
Festalingwi huwa festival ta’ ġurnata annwali li jiċċelebra d-diversità lingwistika u l-iskambju kulturali. Imtella’ mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u l-Università ta’ Malta, il-festival joffri programm ħaj ta’ attivitajiet, lezzjonijiet tal-lingwa, taħditiet u divertiment għal kull età, biex irawwem imħabba u apprezzament tal-lingwi u s-sinifikanza tagħhom f’ħajjitna.
Dwar il-Jum Ewropew tal-Lingwi
Kull 26 ta’ Settembru, il-Jum Ewropew tal-Lingwi jiċċelebra d-diversità lingwistika u l-wirt kulturali madwar l-Ewropa. Għandu l-għan li jippromwovi t-tagħlim tal-lingwi, l-iskambju kulturali, u l-fehim interkulturali bejn in-nies ta’ kull età u sfond. Stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea fl-2001, dan l-avveniment iħeġġeġ lin-nies jesploraw u jħaddnu lingwi lil hinn mill-ilsien nattiv tagħhom.